“Pilatus Bank ma jistax jibda l-proċess biex jagħlaq” – MFSA

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, sostniet li l-Bank Pilatus ma jistax minn jeddu jibda l-proċess li jagħlaq.
Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt filwaqt li spjegat li dan minħabba li l-bank għadu suġġett għas-sanzjonijiet regolatorji imposti mill-MFSA, li llimitaw b’mod notevoli l-attivitajiet tal-bank.
Jumejn ilu, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li Pilatus Bank qiegħed fil-proċess li jibda jagħlaq.
L-MFSA fakkret li fit-22 ta’ Marzu, il-bank tpoġġa taħt il-kontroll ta’ persuna kompetenti maħtura mill-MFSA. Ir-rappreżentanza tal-bank issa hija fdata fil-persuna kompetenti u d-drittijiet tal-vot tal-azzjonist in kwistjoni ġew sospiżi.
Għaldaqstant sostnew li kull azzjoni marbuta mal-bank meħuda mill-MFSA se tkun ikkomunikata b’mod pubbliku fil-mument opportun.
“Il-fondi qatt ma messhom tħallew joħorġu mill-Bank Pilatus” – Casa
Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa nsista li l-fondi li kienu fi ħdan il-bank qatt ma messhom tħallew joħorġu.
Fi stqarrija, l-Ewroparlamentari sostna li minn meta Daphne Caruana Galizia bdiet tirrapporta fuq il-Bank Pilatus, aktar minn nofs il-fondi miżmuma mill-bank ġew trasferuti. Qal ukoll li l-bank bħalissa għandu fi ħdanu €126.9 miljun f’fondi.
“L-azzjonijiet tal-kriminali u l-korrotti fl-ogħla livelli m’humiex rappreżentattivi tal-poplu Malti u Għawdxi” – Metsola
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, sostniet li l-azzjonijiet kriminali, il-persuni korrotti u dawk kompliċi magħhom li jinsabu fl-ogħla livelli tal-pajjiż m’humiex rappreżentattivi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Fi stqarrija Metsola qalet li hija ċara għal kulħadd li Pilatus Bank huwa nvolut fil-ħasil ta’ flus li ġejjin minn attivitajiet kriminali. Saħqet li jekk mhix se tittieħed azzjoni se jkompli jittebba s-settur finanzjarju kollu.
Irrimarkat kif il-gżejjer Maltin ġew f’sitwazzjoni fejn il-poplu qed jaħseb li meta wieħed jaġixxi b’impunità se jkun protett minflok ibgħati l-konsegwenzi.