Pilatus Bank: Ir-rigali tat-tieġ tal-PM u Keith Schembri għall-Parlament

Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista ħarġu stqarrijiet dwar l-attendenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u Keith Schembri għat-tieġ tas-sid ta’ Pilatus Bank waqt li Simon Busuttil ippreżenta mistoqsijiet parlamentari dwar ir-rigali li ngħataw lil sid il-bank.
Mill-banda l-oħra l-Partit Laburista qal fi stqarrija illi l-Prim Ministru m’għandux x’jaħbi li mar għat-tieġ u li kien informa b’dan lill-maġistrat.
It-tieġ ta’ Ali Sadr sar f’Venezja fl-Italja fl-2015.
Hasheminejad ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet fl-Istati Uniti fuq ksur ta’ sanzjonijiet, ħasil ta’ flus u frodi, u qed jaffaċċja 125 sena priġunerija jekk jinstab ħati.
Rabta intima tal-PM ma’ Ali Sadr – Busuttil
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Governanza Tajba, Simon Busuttil, ippreżenta sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari lill-Prim Ministru. Staqsa x’kien ir-rigal li ta lill-Iranjan Sayed Ali Sadr Hasheminejad, kemm sewa u min ħallas għalih.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil jistaqsi liema Prim Ministru jsiefer barra mill-pajjiż għal tieġ ta’ xi ħadd mill-Iran, jekk mhux ta’ xi ħadd li miegħu għandu rabta intima.
Dr Busuttil jgħid li huwa għalhekk li f’Malta Ali Sadr ingħata protezzjoni mil-liġi u ma ġiex arrestat mill-Pulizija li għall-kuntrarju fis-satra tal-lejl ħallewh jaħrab mill-bank b’bagalja mimlija dokumenti.
Busuttil jisħaq li mhux ta’ b’xejn li s-sid tal-Bank Pilatus qatt ma ġie investigat f’Malta, u li ngħata ċertifikat biex jibqa’ jaħdem.
Busuttil qal li Muscat ħeba din ir-rabta intima għal tliet snin sħaħ, meta fi kliemu messu ddikjara pubblikament li attenda t-tieġ tiegħu minkejja li l-bank issemma f’kull skandlu marbut mal-Panama Papers u fir-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).
Il-Prim Ministru m’għandux x’jaħbi – il-PL
Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li l-Prim Ministru m’għandux x’jaħbi li mar għat-tieġ tas-sid ta’ Pilatus Bank tant li ta dan id-dettall meta xehed fl-inkjesta maġisterjali. Il-PL qal li l-PM kien mistieden “bħalma jkun mistieden għal mijiet ta’ riċevimenti u okkażjonijiet oħra fis-sena minħabba l-kariga li jokkupa”.
L-istqarrija ssemmi l-bank Nemea u tgħid li l-PN ma tkellem xejn dwaru “għax l-eks Kap tal-Partit, Lawrence Gonzi mhux biss aċċetta stedina għal riċeviment iżda kien Direttur tal-bank”. Il-PL kompla jgħid illi Juanita Bencini, f’isem KPMG, li għenet lill-bank biex jikseb il-liċenzja kienet qalet lill-MEPs li hija ma kellha l-ebda komunikazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru waqt il-proċess.
Skont l-istqarrija t-taħdidiet biex il-Bank Pilatus jikseb liċenzja bdew f’Ġunju 2002 meta Tonio Fenech kien Ministru. 
Il-PL qal li meta tfaċċaw l-akkużi fl-Istati Uniti “l-awtoritajiet indipendenti ħadu l-azzjonijiet mitluba minnhom f’serenità u b’serjetà.” Għall-PL dan “juri kemm l-argumenti tal-PN u Simon Busuttil huma biss gideb.”
Min kien hemm aktar? – Cassola
Intant, l-Eks Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola rrikorra wkoll fuq Facebook fejn insista li issa huwa kruċjali li jsir magħruf min kien iktar preżenti għat-tieġ f’Venezja. Jistaqsi fost l-oħrajn jekk kienx hemm uffiċjali ta’ Nexia BT, il-kumpanija li fetħet il-kumpaniji fil-Panama, u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjari, li tat clean bill of health lill-Bank Pilatus minkejja li sidu kien diġà qed jiġi investigat.
Fil-ġazzetta The Sunday Times of Malta tal-bieraħ 25 ta’ Marzu  Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kkonferma li huwa kien wieħed mill-ftit mistednin li kien hemm għat-tieġ. Aktar tard il-Prim Ministru ikkonferma ma’ Malta Today li anke hu u martu marru għat-tieġ.
Schembri qal li għat-tieġ kien hemm anke wieħed mid-diretturi ta’ Allied Newspapers.
Aktar tard ilbieraħ Dr Austin Bencini kkonferma illi hu kien għat-tieġ “bħala persuna privata” u li wara li deher ir-rapport informa lill-membri tal-Bord tad-Diretturi li urew fiduċja fih.
Sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt illi l-mara ta’ Bencini hija ‘partner’ fid-ditta KPMG u li hija kienet assistiet lill-Bank Pilatus biex jingħata l-liċenzja.
L-FIAU dwar Schembri u Pilatus
Wieħed mir-rapporti tal-FIAU, juri li Keith Schembri kellu kont fil-Bank Pilatus. Ir-rapport wera suspett illi dan il-kont kien jintuża għall-ħasil tal-flus u biex fih jitpoġġew flus mit-tixħim fuq il-bejgħ tal-passaporti.
Keith Schembri waqt li ammetta li kellu kont fil-bank dejjem ċaħad bil-qawwa li dan intuża għal xi ħaġa illegali.
Skont rapport ieħor tal-FIAU li kien ippubblikat fil-midja, l-Aġenzija qalet li kien hemm suspett raġonevoli ta’ ħasil ta’ flus bejn il-kont ta’ Schembri u l-kont bankarju ta’ Adrian Hillmann li kien direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers.
Kemm Schembri kif ukoll Hillmann jiċħdu li għamlu xi ħaġa illegali.