​Pilatus Bank: Delegazzjoni Amerikana għal Malta

Il-Pulizija ta’ Malta qalet li delegazzjoni mill-Istati Uniti għandha tasal Malta għal iktar diskussjonijiet dwar il-każ tal-arrest ta' sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad fil-ġimgħat li ġejjin.
Fi stqarrija, il-Pulizija ta’ Malta kkonfermat li sid il-bank ġie arrestat fl-Istati Uniti dwar każ ta’ ksur ta’ sanzjonijiet kontra l-Iran. Il-Pulizija qalet li għamlet kuntatt mal-awtoritajiet Amerikani dwar dan il-każ.
Skont il-Pulizija, dan il-ksur ta’ sanzjonijiet allegattament sar diversi snin ilu, u li minn Malta ma għaddiet ebda transazzjoni, u ma kinux involuti persuni jew entitajiet Maltin f’dawn l-attivitajiet.
Il-Pulizija qalet li “filwaqt li dwar dan l-arrest il-Pulizija Maltija ma kinetx involuta jew infurmata mill-Awtoritajiet Amerikani, matul il-jum saret komunikazzjoni mal-Awtoritajiet Amerikani fejn il-Pulizija u l-Awtoritajiet Ġudizzjarji Maltin offrew l-assistenza kollha tagħhom lill-Awtoritajiet Amerikani f’dan il-każ.”
Il-Pulizija temmet tgħid li hija kommessa li tinvestiga kull ksur ta’ liġi li jsir fit-territorju Malti, u tagħti l-assistenza kollha li awtoritajiet barranin jitolbu skont il-liġi.
Ritratt: Reuters