Pilatus Bank b’kawża kontra l-MFSA għax “emmnet lil Efimova”

Il-Bank Pilatus ħabbar fi stqarrija li aktar kmieni din il-ġimgħa fetaħ kawża l-Qorti kontra l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), bil-għan li tirtira d-direttivi tagħha kontra l-bank.

Pilatus Holdings akkuża lill-MFSA fost l-oħrajn b’negliġenza u stqarr li se jżommha responsabbli għal xi ħsara li jaf iġarrab u li fi kliemu tista’ tkun sinifikanti.

Saħaq li l-MFSA aċċettat bla ebda verifika, ‘l-allegazzjonijiet tal-eks impjegata tal-bank Maria Efimova’. Jgħid li dan minkejja li l-Awtorità ngħatatilha informazzjoni li l-allegazzjoni ta’ rabtiet bejn il-Bank u l-kumpanija Egrant fil-Panama kienu foloz.

Dan wara li l-Awtorità aċċettat dak kollu li qaltilhom Maria Efimova, l-istess persuna li kienet qed tipprovdi l-informazzjoni lil Daphne Caruana Galizia dwar ta’ min kienet il-kumpanija Egrant.

Il-Bank insista li wara l-publikazzjoni tal-konklużjonijiet ewlenin tal-Inkjesta Egrant, li fi kliemu ħelset lill-Bank minn kull allegazzjoni malizzjuża, m’hemmx raġuni li l-MFSA tibqa’ żżomm l-istess pożizzjoni. Irrimarka li l-istandards regolatorji tagħhom huma fost l-ogħla fl-Ewropa.

F’Marzu li għadda, l-MFSA iffriżat l-assi tal-Bank Pilatus, imponiet li jitneħħa ċ-Ċermen u minfloku laħħqet amministratur, filwaqt li talbet lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jirtira l-liċenzja tal-bank.