Pilatus Bank: 15-il jum mill-arrest; “Il-kuntatt mal-Amerikani għadu fi stadju bikri”

Ġimagħtejn wara li ħarġet l-aħbar tal-arrest taċ-Ċerpersin tal-Bank Pilatus fl-Istati Uniti, il-Pulizija ta’ Malta qalu li l-“kuntatt mal-Awtoritajiet Amerikani għadu fi stadju bikri”.
Fil-21 ta’ Marzu, il-Pulizija ta’ Malta qalet li delegazzjoni mill-Istati Uniti għandha tasal Malta għal iktar diskussjonijiet dwar il-każ tal-arrest ta' sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad fil-ġimgħat li ġejjin.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Pulizija qal li l-Pulizja ma tistax tagħti iktar tagħrif b’rabta mad-delegazzjoni tal-Istati Uniti peress li l-"kuntatt mal-Awtoritajiet Amerikani għadu fi stadju bikri”.
Il-kelliem qal li l-Pulizija lanqas tista’ tagħti informazzjoni dwar xi aġenziji oħra Maltin li magħhom se jsiru iktar laqgħat.
F’Marzu il-Pulizija qalet li l-allegat ksur ta’ sanzjonijiet mis-sid ta’ Pilatus Bank ma sarx Malta u li ma għaddiet ebda tranżazzjoni, u ma kinux involuti persuni jew entitajiet Maltin f’dawn l-attivitajiet.
Mistoqsija dwar kif taf dan, il-Pulizija ta’ Malta qalet li din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Awtoritajiet Amerikani.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM l-eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali Francis Vassallo kien qal li kull azzjoni li tittieħed fil-konfront ta’ Pilatus Bank trid tittieħed malajr kemm jista’ jkun. Qal li dan għaliex l-evidenza tista’ titneħħa f’ħakka t’għajn permezz tal-kompjuters.