​Awdjo: Pieter Omtzigt jitlob lil Malta tispjega lill-Kunsill tal-Ewropa

Pieter Omtzigt qed jitlob lill-Kunsill tal-Ewropa jgħidu jekk jaħsbux li l-investigazzjoni fil-kaz tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia hux qed issir sew u jekk jemmnux li hemm protezzjoni tajba biżżejjed lill-whistle blowers li b’xi mod huma marbuta mal-każ.
Omtzigt huwa membru Parlamentari Olandiż u huwa wkoll membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa għamel il-mistoqsija tiegħu lill-membri tal-Kunsill tal-Ministri li jiġbor fih ministru minn kull pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa.
Huwa qal li il-Ministru jridu jwieġbu fil-ġimgħat li ġejjin.
Omtzigt qal dan fil-programm Newsline fuq RTK, fejn ddeskriva dan kollu bħala “proċess b’saħtu u regolari” li jsir fost is-47 pajjiż tal-Kunsill Ewropew. Żied jgħid li issa jmiss lil Malta li tgħaddi minn dan il-proċess, partikolarment fl-isfond tar-rapport dwar il-ħarsien tal-liġi f’Malta li nħareġ mill-Parlament Ewropew.
Il-membru parlamentari kien mistoqsi jekk huwa hux qed jiddubita ta’ li qal il-Prim Ministru li jrid jasal biex jissolva dan il-kaz b’mod sħiħ u l-ħidma tal-pulizija.
Huwa iddeskriva bħala “pass pożittiv” il-fatt li l-Gvern Malti talab għajnuna barranija fl-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li qed jiġu investigati xi persuni. Il-politiku Olandiż tkellem dwar l-importanza li jinstab ukoll il-mandant ta’ dan il-qtil.
Huwa wieġeb li ma jqisx il-mistoqsija tiegħu hux indħil fl-affarijiet interni ta’ Malta, l-politiku Olandiż qal li mhux il-każ għax fl-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa regolarment jsaqsu fuq kull pajjiż li imbagħad ikun obbligat iwieġeb.
Omtzigt qal li wieħed ma jridx jinsa li l-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia dwar ħasil tal-flus minn xi uffiċjali tal-gvern u l-qraba tagħhom għadhom ma ġewx investigati bis-serjeta. Malta għandha obbligu li tispjega.
Id-deputat Olandiż qal li jaqbel mal-proposta li se jagħmlu ulied Daphne lill-Kunsill biex jinħatar rapporteur speċjali. Huwa li li huwa li n-nuqqas ta’ azzjoni jew investigazzjoni f’dawn il-każijiet tista’ twassal biex Malta jkollha ssorveljanza esterna jew iktar għajnuna fejn jidħlu każijiet ta’ korruzzjoni.
Huwa temm jgħid li ħafna pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa huma mħasbin b’dak li qed jiġri f’Malta.