Pietà Hotspurs rebbieħa tal-Malta Summer Cup

Pietà Hotspurs ħadu l-ewwel titlu bħala tim tal-kampjonat Premier meta fil-finali tal-Malta Summer Cup għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-1.
Pieta kellhom wirja tajba ħafna u kien jistħoqqilhom li ħarġu rebbieħa f’din il-finali li ntlagħbet fil-Luxol Stadium.
Il-Hotspurs fetħu l-iskor wara 11-il minuta permezz ta’ Gabriel Silva.
Fis-27 minuta Rafael Xavier irdoppja l-iskor għal Pietà Hotspurs li marru għall-ħin tal-mistrieħ b’żewġ gowls minn fuq.
Fit-62 minuta reġa’ kien Gabriel Silva li din id-darba għamilhom 3-0.
Il-gowl tal-konsolazzjoni għall-Mosta wasal fit-73 minuta minn Daniel Mariano Bueno.
Wara t-tmiem tal-logħba, Noel Zammit ippreżenta t-tazzi Mosta bħala finalisti u lill-Pietà Hotspurs bħala r-rebbieħa tal-Malta Summer Cup 2014.
Il-premju għall-Fair Play ingħata lil Vittoriosa Stars u l-ogħla markatur kien Bojan Kaljevic tat-tim ta’ Mosta.
Qabel din il-finali, intlagħbet il-finali għat-tielet post fejn Zebbug Rangers għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 2-1.
Iż-Żebbuġin sabu x-xibka permezz ta’ Mattias Mucchardi fir-raba’ minuta u Mauricio Osmar Rodriguez Britto fid-89 minuta.
L-uniku gowl ta’ Balzan wasal fit-53 minuta minn Oscar Guerrero.