Pierce Brosnan jagħtiha għall-Eurovision

Ritratt: piercebrosnan.com

Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-film dwar il-Eurovision li Will Ferrell qiegħed jaħdem għal Netflix. Issa tħabbar li fil-kast hemm ikkonfermat l-attur Pierce Brosnan. Hu se jkun qed jinterpreta l-parti tal-aktar raġel gustuż fl-Iżlanda.

AQRA: Film komiku dwar il-Eurovision

Il-film, kif irrapurtajna f’Mejju li għadda, huwa wieħed komiku u l-produttur tiegħu, WIll Ferrell, diġà mar xi drabi għall-Eurovision biex jiġbed siltiet tal-atmosfera brijuża.

Ferrell se jkun qiegħed ukoll jieħu sehem f’dan il-film flimkien mal-attriċi Rachel MacAdams. Dawn it-tnejn se jkunu qed jinterpretaw il-karattri ta’ żewġ mużiċisti Iżlandiżi li jkunu qed joħolmu bis-suċċess.

Tgħid il-Eurovision se jkun qed iwettqilhom il-ħolma tagħhom?

Brosnan se jinterpreta lil missier Farrell.

Minkejja l-ismijiet kbar involuti f’dan il-film, u minkejja li dan il-film se jkun qed jiżvolġi ma’ l-akbar avveniment televiżiv Ewropew, jidher biċ-ċar li hemm reazzjoni mħallta dwar dan il-film, hekk kif mhux kulħadd jidher li jemmen li dan il-film jista’ jkun suċċess.

Il-ġbid tal-film se jsir fir-Renju Unit u fl-Iżlanda, u wisq probabbli li dan il-film se jkun lesti biex l-abbonati ta’ Netflix ikunu jsitgħu jaraw minn Mejju 2020, proprju fl-istess perjodu li jibda d-deni tal-Eurovision hekk kif ikunu fl-eqqel tagħhom il-preparamenti għall-65 edizzjoni.