Pieni ħorox għal attakki fuq uffiċjali pubbliċi – Dr Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li Gvern Laburista jekk jingħata l-fiduċja, se jħarrax il-pieni għal attakki fuq uffiċjali pubbliċi meta rrefera għal pakkett indirizzat għall-membri ta’ korpi dixxiplinati.

Dr Joseph Muscat waqt attività politika f’Birkirkara qal ukoll li f’korp dixxiplinat kull min għadu ma għalaqx il-25 sena servizz u jkorri jew imut fuq ix-xogħol, il-familja tas-suldat, pulizija jew membru tal-protezzjoni ċivili involut, tingħata l-pensjoni sħiħa daqs li kieku għamel il-25 sena servizz.

Semma wkoll miżura oħra fejn qal li l-Partit Laburista diġà ddiskuta mal-Assoċjazzjoni tal-pulizija, dik li l-interrogazzjonijiet ikunu ffilmjati biex ikun hemm aktar ċertezza u jonqos l-abbuż. Qal li dan il-pakkett huwa mmirat biex idaħħal is-serjeta u d-dinjità u karriera fil-pulizija, fil-Forzi Armati jew fil-Protezzjoni Ċivili.

Meta tkellem dwar l-edukazzjoni u l-iskejjel privati u tal-Knisja, Joseph Muscat irrefera għal-laqgħa li kellu mal-Kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, u saħaq li l-messaġġ li ħareġ minn din il-laqgħa kien li Gvern Laburista jrid jaħdem mal-iskejjel tal-Knisja u dawk Privati, għaliex huma partners essenzjali fil-qasam edukattiv.

Joseph Muscat tkellem ukoll fost l-oħrajn dwar il-Kunsilli Lokali. Qal li hemm kunsilli li jaħdmu tajjeb, imma hemm ħafna nies li jaraw lill-Kunsilli qishom dipartiment ieħor tal-Gvern u jrid li l-kunsilli jkunu tan-nies.