Pieni eħrex għal min jagħmel bomba f’karozza; il-Gvern b’abbozz ta’ liġi

Kelliema għall-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li qed jitħejja abbozz ta’ liġi jew liġijiet ġodda li għandhom iħarrxu l-pieni għal min jinstab ħati li kien il-moħħ wara attentati b'bomba f'karozzi.
Fi Frar li għadda, dak li kien il-Ministru responsabbli, Carmelo Abela, kien laqqa’ konferenza tal-aħbarijiet urġenti wara t-tieni bomba f'karozza f’inqas minn xahrejn.
Dakinhar, Romeo Bone ta’ 40 sena kien weġġa’ serjament xħin il-karozza li kien fiha splodiet fi Triq il-Marina fl-Imsida, li dak il-ħin kienet ippakkjata bin-nies u l-karozzi. 9 persuni kienu weġġgħu wkoll.
Xahar qabel, Victor Calleja ta’ 65 sena miet bl-istess mod fi Triq Ħal Qormi, quddiem il-Maltapost.
Fl-2016 kien hemm 3 każijiet simili li ħallew 2 mejta u 3 feruti.
Il-Ministru kien qal ukoll waqt din il-konferenza li f’laqgħa tal-kabinett kien se jiġi diskuss x’tip ta’ għajnuna oħra kienet se tingħata lill-Korp tal-Pulizija għal każijiet bħal dawn.
Għalkemm intqal lilna li l-abbozz qed jitħejja, il-kelliem għall-ministeru ma speċifikax aktar dettalji, iżda rrimarka li qed jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet u l-effetti tal-abbozz, jekk jgħaddi mill-Parlament u jsir liġi.
Ritratti: Arkivji