Pieni aktar ħorox għal min joqtol l-għasafar

Fil-ġimgħat li ġejjin, is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali se jintroduċi pieni aktar ħorox u effettivi għal min joqtol l-għasafar.

Sadanittant, il-Gvern qed jikkordina mal-Pulizija u aġenziji oħra ta’ infurzar tal-liġi biex jiġi assigurat aktar infurzar waqt l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa.

It-Taqsima tal-ALE tal-pulizija żiedet aktar impjegati biex tassigura aktar sorveljanza u moniteraġġ fil-kampanja sabiex jitwaqqaf u jkun hemm prevenzju ta’ ksur ta’ liġi.  L-ALE se tkun assistita wkoll b’uffiċjali oħra ta’ infurzar.

Is-Segretarjat Parlamentari beda wkoll proċess ta’ konsultazzjoni interministerjali fuq proposta għat-twaqqif ta’ Wildlife Crime Investigations Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Il-Gvern ikkundanna bla riservi l-inċidenti tal-allegat qtil ta’ tjur protetti fl-aħħar ġimgħat u saħaq l-impenn tiegħu ta’ politika ta’ tolleranza-żero fuq dan l-abbuż.

Il-pulizija qed tinvestiga l-inċidenti kollha li ġew rappurtati u qed tinterroga lil dawk li kisru l-liġi.

Is-Segretarjat Parlamentari rringrazzja lill-pulizija għar-rispons effiċjenti u effettiv li wassal għall-arrest tal-individwi konċernati f’Għawdex.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn.