​“Pieni akbar għal min jordna l-qtil” – Espert storiku

Eddie Attard, espert tal-istorja tal-kriminalità f’Malta rrimarka li l-Qorti tagħti pieni aktar ħorox lil min jordna l-qtil, milli lil dak li jkun wettaq id-delitt.

Huwa kien qed jitkellem f’intervista waqt il-programm Follow Up fuq RTK, dwar każi fejn il-qattiel ikun wettaq delitt wara li jkun tħallas minn mandant.

L-istoriku semma każi fil-passat fejn il-Gvern fis-seklu 18 kien joħroġ proklama li biha kien jagħti l-immunità u anki rigal lil ċertu kompliċi li jikxfu l-każ.
Jispjega li dan kien isir biex jinqabad “il-perċimes” tal-każ.

Attard żied jgħid li minkejja li ġieli nkixef dak li jkun ordna l-qtil f’Malta, ħafna drabi l-mandant baqa’ ma nkixifx b’mod partikolari f’każi ta’ qtil bi splużjoni.

Dwar dan kien tkellem ukoll, l-eksprosekutur Taljan Antonio Di Pietro fejn f’indirizz waqt demostrazzjoni għall-ġustizzja fil-Belt Valletta, wissa li jkun żball kbir min jipprova jipperswadi lill-pubbliku li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien qtil kwalunkwe.

Filwaqt li qal li ħadd ma jaf x’ġara eżatt u għalhekk hemm bżonn li sseħħ ġustizzja “illum qabel għada”, Di Pietro jgħid li dan il-każ kellu mandant.

Kien saħaq li omiċidju mwettaq b’dak il-mod huwa “qtil ordnat minn min ried li dik il-vuċi ma tinstemax aktar”.

Tista’ tisma’ l-programm sħiħ hawnhekk.