Philip Micallef innominat mill-PD għall-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni

Il-Partit Demokratiku nnomina lil Philip Micallef biex jirrappreżanta lill-Oppożizzjoni fil-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.
Dan qed jagħmlu minħabba li l-Partit Nazzjonalista naqas milli jinnomina persuna biex tkun parti mill-kummissjoni.
Xahrejn u nofs ilu l-Prim Ministru, Joseph Muscat, ikkuntattja lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, biex jinnomina membru f’dil-kummissjoni.
Madankollu sal-lum il-PN għadu ma nnominax persuna.
Il-kummissjoni ma setgħet tagħmel ebda investigazzjoni fl-aħħar sitt xhur minħabba membru nieqes mill-Oppożizzjoni.
Yana Micallef Stafrace kienet irriżenjat meta saret maġistrat, filwaqt li l-eks-Maġistrat Joe Cassar miet.
Il-Partit tal-Oranġjo qal fi stqarrija li dil-kummissjoni għandha importanza ċentrali, speċjalment fil-klima politiko-ekonomika tal-pajjiż.
Philip Micallef ġie deskritt bħala persuna b’integrità mhux mimsusa u esperjenza kemm fil-privat kif ukoll f’bordijiet regulatorji tal-Gvern.
Il-PD qal li kien qed ifittex persuna li mhi fl-ebda partit politiku, u lanqas għandha rabtiet ma’ xi wieħed jew l-ieħor.
Ittra ntbagħtet lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, li fiha ġie nnominat formalment Micallef.
Philip Micallef kien il-Kap Eżekuttiv tal-Airmalta, tal-Awtorità Regulatorja tal-Bermuda, tal-Awtorità Maltija għall-Kominikazzjoni, tal-Melita Cable u tal-Malta Enterprise.
Barra minn hekk kien f’pożizzjonijiet għolja fi Franza, l-Italja, l-Iżvizzera u Spanja.
Minn hawnhekk tista' ssib l-informazzjoni uffiċjali dwar din il-kummissjoni.
Ara hawn taħt l-ittra li bagħat il-PD lill-Gvern.