Philae tqum mir-raqda u wara 7 xhur tikteb tweet

L-Aġenzija Spazjali Ewropea (Esa) qalet li l-vettura tagħha Philae, reġgħet qamet u għamlet kuntatt mad-Dinja. 
Philae, hi l-ewwel vettura tal-ispazju li rnexxielha tinżel fuq kometa.
F’Novembru li għadda,  Rosetta, il-vettura  spazjali l-oħra tal-Esa, sparat lil Philae fuq il-kometa 67P. 
Rosetta kienet ilha għaxar snin tivvjaġġa biex tilħaq il-kometa.  
Philae ħadmet biss għal 60 siegħa minħabba li spiċċatilha l-batterija li taħdem bix-xemx.
Minn dak iż-żmien, il-kometa bdiet timxi lejn ix-xemx u Philae rnexxielha tiċċarġja l-batterija.  Xogħolha hu li tanalizza s-silġ u l-ġebel tal-kometa.
Philae għandha account awtomatiku fuq Twitter, u l-ewwel messaġġ tagħha kien: “Hello Earth” Can you hear me?”.
Grazzi għal Philae, l-Aġenzija Spazjali Ewropea tista’ tistudja x’jiġri eżatt meta kometa tibda tieħu n-nar waqt il-vjaġġ tagħha fl-univers.