Petrol illegali: Ħarrku lid-Dwana imma għal quddiem il-Kummissarju

Koppja li kienet twaqqfet mid-dwana fl-ibħra territorjali Maltin waqt li qed iddaħħal eluf ta’ litri ta’ petrol illegali, fetħet kawża kontra d-Dwana għax riedet il-petrol u l-bastiment lura, biex spiċċat tilfet il-kawża u issa trid tidher quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-każ seħħ 4 snin ilu, meta Paul u Alexandra Piscopo ġew interċettati minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) fl-ibħra territorjali Maltin, xħin tqajjem suspett fihom.
Meta saret spezzjoni, instab li fuq il-bastiment Dimitra, irreġistrat Malta bin-numri MFA 6034, ma kienx hemm tagħmir tas-sajd iżda 8 tankijiet tal-plastik tal-elf litru mimlija petrol.
B'kollox instabu 34,600 litru petrol.
Wara rriżulta li l-petrol ma kienx konformi mal-Liġi Maltija, u lanqas kellu l-kulur aħmar jew is-Sudan Marker li juru li jkun tħallas dazju fuqu.
Il-koppja kienet ġiet arrestata, u l-bastiment iddaħħal il-Port il-Kbir għal aktar spezzjonijiet. Dakinhar Paul Piscopo ma ta ebda raġuni valida għala kellu dak l-ammont ta’ petrol fuqu, kellu l-liċenzja tas-sajd skaduta u l-apparat tal-monitoraġġ tal-bastimenti fuq id-Dimitra kien mitfi.
Minkejja dan, il-koppja tellgħet lid-Direttur tad-Dwana l-Qorti fil-każ li nstema’ llum, ippresedut mill-Imħallef Silvio Meli.
Dawn talbu li dak li ttiħdilhom jingħata lura, jiġifieri l-bastiment u anki l-petrol. Il-koppja argumentat li l-bastiment jiswa ferm aktar mill-petrol maqbud, u allura jriduh lura.
Iżda l-Qorti kkonkludiet li l-koppja nqabdet fil-fatt f’attività illegali b’materjal li għalih kellhom jitħallsu s-SISA u l-VAT, u li l-FAM ma kisret ebda liġi għax arrestathom fl-ibħra Maltin.
L-Imħallef Meli ma laqa’ ebda talba tal-koppja, u waħħalha tal-ispejjeż kollha.
Finalment, il-koppja issa trid tidher quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija biex tgħaddi minn proċess kriminali li huma xierqa għal dal-każ, potenzjalment ta’ natura kriminali.
Ritratt: Arkivji