Petrol: “Il-gvern bħal negozjant rgħib” – Malta Automobile Club

Il-Malta Automobile Club qal li f’pajjiżi Ewropej, il-kumpaniji privati taż-żejt jagħmlu l-qliegħ fuq il-bejgħ tal-petrol filwaqt li l-gvernijiet jiġbru d-dazju u t-taxxi fuq dan il-bejgħ.
Qal li għal kuntrarju ta’ dan, f’Malta, il-gvern mhux biss jiġbor id-dazju u t-taxxi fuq dan il-bejgħ tal-petrol, imma jagħmel ukoll il-qliegħ mill-kumpanija tal-istat Enemed.
Il-klabb qal li fiċ-ċirkustanzi, il-prezz tal-petrol f’Malta għandu jkun l-orħos fost it-28 pajjiż tal-UE, u mhux l-ogħla.
Qal li b’dan il-mod il-gvern qed iġib ruħu qisu negozjant rgħib.
Il-petrol f’Malta 9ċ għola mill-Ewropa
Il-Malta Automobile Club qal li fis-26 ta Ġunju, bil-prezz ta’ 56ċ kull litru, il-prezz tal-petrol f’Malta, mingħajr id-dazju u t-taxxi kien 9ċ għola mill-medja tal-prezz fil-pajjiżi ewropej.
Il-prezz tal-petrol f’Malta kien 13ċ għola mill-prezz tal-petrol fir-Renju Unit, jiġifieri 23% iktar għoli.
Il-klabb staqsa fi stqarrija jekk l-Enemed tistax tixtri l-petrol mingħand l-istess sorsi bħar-Renju Unit. Staqsa wkoll kemm l-Enemed qed tagħmel profitt fuq il-bejgħ tal-petrol.
Id-diesel f’Malta 6ċ għola mill-Ewropa
Il-Malta Automobile Club jgħid li s-sitwazzjoni fil-bejgħ tad-diesel mhix wisq differenti. Jgħid li waqt li l-prezz tad-diesel mingħajr bollol u taxxi fil-Greċja u l-Estonja hu għola minn Matlta, bil-prezz ta’ 53ċ kull litru, il-prezz tad-diesel f’Malta huwa 6ċ għola mill-medja fl-Unjoni Ewropea.
F’Malta il-prezz tad-diesel hu 11ċ għola mis-Slovenja, jew 21%.
Il-Klabb jistaqsi jekk il-Kummissjoni Ewropea tafx li f’Malta hawn prezz wieħed għall-petrol u prezz wieħed għad-diesel. Jistaqsi f’liema pajjiż ewropew ieħor teżisti din is-sitwazzjoni.
Jistaqsi kemm il-gvern se jdum bil-monopolju fis-suq tal-fuels.