Petizzjonijiet biex jitħassru jew jiġu posposti l-eżamijiet tal-MATSEC

Aġġornat 08:32 AM

Read in English.

Petizzjoni li qed tiġi ffirmata minn diversi studenti u ġenituri qed titlob sabiex l-eżamijiet tal-MATSEC għal din is-sena jiġu mħassra u minflok tidħol fis-seħħ sistema alternattiva ta’ marki. S’issa l-petizzjoni ġiet iffirmata minn madwar 170 persuna. Tnediet petizzjoni oħra simili, iżda biex l-eżamijiet jiġu posposti minflok. Din iffirmawha 430 persuna.

L-ewwel petizzjoni

L-ewwel petizzjoni tgħid li dawk kollha li kellhom jagħmlu l-eżamijiet tal-O-Levels u l-A-Levels din is-sena u li jattendu istituzzjoni edukattiva, għandhom jingħataw marka bbażata fuq assessment u feedback tal-għalliema tagħhom. Qalu li jekk l-assessment mhux biżżejjed biex iwassal għall-marka tal-istudent, mela l-għalliema għandhom jirrakkomandaw marka li għandha tingħata lill-istudent dwar is-suġġett partikolari. Qalet li l-għalliema jistgħu jgħidu jekk l-assessment jirrappreżentax b’mod eżatt il-livell ta’ kemm wieħed jifhem is-suġġett.

Il-petizzjoni tipprovdi wkoll soluzzjoni għal kandidati privati li m’għandhomx assessments jew għalliema li jistgħu jbassru l-marka tagħhom. Is-suġġeriment huwa li kandidati privati li diġà għamlu l-eżami fil-passat, għandhom jingħataw riżultat fejn il-grad jitla’ b’livell wieħed. Eżempju, jekk kandidat privat kien għamel l-eżami tal-O-Level tal-Malti fl-2019 u kiseb riżultat ta’ Grade 6, il-marka tiegħu għandha titla’ għal Grade 5 fl-2020.

Intant, jekk xi kandidati jemmnu li l-marka li jirċievu ma tirrappreżentax il-livell ta’ fehema tagħhom għas-suġġett, dawn għandhom jingħataw iċ-ċans li japplikaw għal “Coherent Test”. Dan ifisser li kull suġġett ikollu Bord ta’ Eżaminaturi li jittestaw l-għarfien ta’ student fil-kuntest tas-sillabu li hemm fuq il-websajt tal-MATSEC. Il-Bord imbagħad ikun jista’ jiddetermina jekk il-marka tal-istudent għandhiex titranġa jew tibqax l-istess.

Il-petizzjoni talbet sabiex l-eżamijiet tal-MATSEC li jsiru f’Settembru jsiru xorta waħda. Dan sabiex l-istudenti kollha jingħataw iċ-ċans li jġibu marka aħjar jekk ma jkunux kuntenti bl-ewwel waħda. Fir-rigward ta’ dawk l-istudenti li qed jaspiraw li jidħlu għall-kors tal-mediċina, dawn għandhom jitħallew jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’Settembru sabiex is-sistema tkun waħda aktar bilanċjata.

Il-petizzjoni sostniet li sistema tat-tip hija alternattiva ħafna aħjar milli wieħed jipposponi l-eżamijiet tal-MATSEC bi ftit ġimgħat.

It-tieni petizzjoni

It-tieni petizzjoni tgħid li l-eżamijiet għandhom jitressqu lejn nofs is-sajf jew tmiem is-sajf, sabiex l-infezzjoni tal-virus tilħaq tieħu pass iżjed kajman. Skont din il-petizzjoni, huwa irresponsabbli li jingħalqu l-iskejjel u mbagħad studenti jinġabru flimkien biex jagħmlu l-eżamijiet.

Din il-petizzjoni tgħid ukoll li li jkun hemm inqas studenti fil-klassi fl-eżamijiet mhux se jserraħ moħħ l-istudenti u l-eżaminaturi peress li l-virus xorta jista’ jinfirex. Jekk l-eżamijiet jiġu posposti b’ġimagħtejn jew tliet ġimgħat, dan ma jibdel xejn anqas, skont il-petizzjoni, peress li jaf il-virus ikun laħaq il-qofol tiegħu f’dak il-perjodu.

Fi stqarrija lbieraħ, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qal li bagħat imejl lill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici bil-proposti tal-istudenti fid-dawl tal-imxija tal-coronavirus. Qal li kkonsulta mal-kunsilli tal-istudenti tal-Università, tal-GF Abela Junior College, ta’ San Alwiġi, ta’ De La Salle, tal-Giovanni Curmi Higher Secondary, tal-MCAST, u tal-ITS. Waħda mill-proposti tgħid li l-eżamijiet tal-MATSEC għandhom jiġu posposti minn bejn ġimagħtejn sa tliet ġimgħat.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn