Aġġornata: Petizzjoni PN: “Jinbeda l-proċess biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali” – Debono

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono talbet biex jibda l-proċess biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali. Skont stqarrija maħruġa minn Debono, dan minkejja li 84 minn 200 firma li nġabru biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali straordinarju huma invalidi jew il-persuna m’għandiex sħubija aġġornata.

Intant Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Kelliem għall-PN li spjega lii dan ifisser li għalissa l-Kunsill Ġenerali għadu ma ssejjaħx. Iżda fi kliemu, is-sena 2019 għadha ma ntemmitx u għaldaqstant uħud minn dawk li ffirmaw imma li għandhom tessera skaduta jistgħu jerġgħu jħallsuha. B’hekk il-voti jsiru validi u jintlaħaq il-minimu ta’ 150 vot.

Fi stqarrija, Debono qalet li rċeviet il-petizzjoni ffirmata minn 200 persuna biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali straordinarju. Qalet li saru l-verifiki neċessarji biex immedjatament ikun jista’ jinbeda l-proċess. Żiedet tgħid li Kunsill Ġenerali straordinarju jista’ jissejjaħ ukoll jekk ikun hemm talba bil-miktub ta’ mhux inqas minn 150 membru tal-istess Kunsill.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-PN li se jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali wara talba tal-membri u mhux tat-tmexxija tal-partit.

Debono qalet li 84 minn 200 firma huma invalidi jew huma bis-sħubija tagħhom mhux aġġornata. Qalet ukoll li 28 firmatarju ma kellhom l-ebda dritt jiffirmaw għaliex mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali.

Skont Debono:

“Mill-200 firma li kienu ppreżentati hemm:

  • 23 firma li mhumiex validi għaliex huma ta’ persuni li mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali
  • 5 firem li mhumiex validi għaliex il-persuni li ffirmaw, kienu rrifjutaw jew ma ħallsux it-tessera kif mitlub minnhom u allura statutorjament mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali

u joħroġ ukoll li:

  • 14-il persuna minn dawk li ffirmaw l-aħħar li ħallsu t-tessera kien fl-2017
  • 41 persuna minn dawk li ffirmaw l-aħħar li ħallsu t-tessera kien fl-2018
  • Kien hemm każ fejn l-isem u l-kunjom ta’ persuna ma qablux mal-karta tal-identità”

“Għalhekk wara l-verifiki neċessarji qegħda skont Artikolu 31 tal-Istatut tal-PN ngħaddi din it-talba ta’ dawn il-membri tal-Kunsill Ġenerali lill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jinbeda l-proċess biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali u biex titfassal u tiġi approvata l-aġenda tiegħu,” temmet tgħid Debono.

Ilbieraħ 200 firma ġew ippreżentati f’petizzjoni lill-Partit Nazzjonalista biex fi żmien ġimgħa jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti mozzjoni li ssejjaħ għar-riżenja tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Il-firmatarji għamlu dan bil-premessa li l-Kap Nazzjonalista għandu jassumi responsabbiltà politika fid-dawl tar-riżultati tal-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda.

Filmat: Il-petizzjoni b’200 firma tal-Kunsilliera tal-PN ippreżentata lill-Partit

Reċentament, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li ma kienx hemm il-ħtieġa li jitlob l-vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali għaliex qal li “rridu naħdmu ‘l quddiem”.

Filmat: “Ma kienx hemm ħtieġa li nitlob vot ta’ fiduċja” – Delia