Petizzjoni onlajn biex jiżdiedu l-Pulizija fl-għases

Bdiet petizzjoni onlajn wara li fil-midja soċjali ssaħħew it-talbiet biex ikun hemm iktar uffiċjali tal-Pulizija fl-għases.
Kien Newsbook.com.mt, li xhur ilu kien l-ewwel li rrapporta t-tħassib tar-residenti fl-inħawi tas-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema.
Is-serq f’dawn l-inħawi qed isir matul il-lejl u allegatament qed isir minn persuni barranin.
Sorsi qrib il-Pulizija kienu kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li l-persuni barranin jistgħu ikunu barranin mill-mod kif sar l-isgass.
Il-petizzjoni onlajn qed issostni li hekk kif Malta qed issir iżjed moderna qed tiżdied ukoll il-kriminalità, b’każi relatati mal-alkoħol u l-abbuż mid-droga.
Il-petizzjoni tgħid ukoll li r-residenti f’dawn il-lokalitajiet qed jibżgħu joħorġu minn djarhom matul il-lejl minħabba s-serq li qed jiżdied.
L-istess rapporti qed jaslu f’San Pawl il-Baħar, b’mod speċjali fl-inħawi ta’ Triq il-Pijunieri fejn ir-residenti lmentaw fil-midja soċjali għall-għajjat u attentat ta’ vandaliżmu speċjalment minn żgħażagħ.
Filwaqt li l-Pulizija qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom bl-ammont konsiderevoli ta’ rappori u lmenti li jaslulhom, jirriżulta li hawn nuqqas ta’ riżors uman.