Petizzjoni kontra l-iżvilupp ta’ theddida għal Villa Frere

Villa Frere u l-ġnien Giardino Zammitello huma mhedda mill-proposta ta’ żvilupp ta’ lukanda ta’ għaxar sulari, 35 metru għoli. L-NGO Friends of Villa Frere qiegħda toġġezzjona għal dan qabel ma jinstema’ l-każ quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar nhar il-Ħamis li ġej.

L-uffiċjal tal-każ tal-Awtorità tal-Ippjanar għamel ir-rakkomandazzjoni li din il-proposta tiġi rrifjutata, fuq il-bażi tal-oġġezzjoni tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali, peress li l-proposta hija kontra l-policy tal-għoli permess li jinbena, u kieku tkun ta’ detriment għall-ambjent storiku ta’ madwarha.

Il-ġonna ta’ Villa Frere f’Tal-Pietà huma ta’ Grad 1, u huma eżattament biswit il-ġnien Giardino Zammitello, u jmissu wkoll mal-Isptar San Luqa.

L-għaqda mhux governattiva Friends of Villa Frere hija mħassba b’dan il-proġett propost, peress li jekk jingħata l-permess biex isir, dan ibiddel il-kuntest kollu għall-ġnien ta’ Villa Frere u l-proġett ta’ restawr tagħhom ikollu jieqaf.

Villa Frere hija storikament rikka, peress li Mikiel Anton Vassalli, missier il-lingwa Maltija, kien sikwit iżur lill-Kaptan John Hookham Frere, sid id-dar. Frere kien anke ħareġ il-flus għal xi pubblikazzjonijiet ta’ Vassalli. Frere u martu huma midfuna fi Ġnien il-Mistrieħ fil-Furjana, fejn hu maħsub ukoll li hu midfun Mikiel Anton Vassalli.

Il-każ se jinstema’ quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar nhar il-Ħamis li ġej. L-NGO Friends of Villa Frere qiegħda tagħmel petizzjoni kontra dan l-iżvilupp. Kull min jixtieq jiffirma din il-petizzjoni hu mħeġġeġ jagħmel kuntatt mal-NGO.