Petizzjoni kontra bini fis-Siġġiewi

​Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi nieda petizzjoni kontra l-iżvilupp mill-Awtorità tad-Djar fis-Siġġiewi, li tikkonfina ma’ Triq it-Tabib Nikol Zammit, Triq l-Imdina u Triq Dun Manwel Zammit.
Fi stqarrija l-Kunsill Lokali qal li hu mhux kontra proġetti bi skop soċjali iżda qed joġġezzjona għal dan l-iżvilupp minħabba d-densità tiegħu u l-isfidi li se joħloq f’żona ċentrali fis-Siġġiewi.
Spjega li l-iżvilupp jinkludi aktar minn 80 post residenzjali, sheltered housing units u diversi faċilitajiet oħra.
Żied jgħid li dan l-iżvilupp se jikkawża diversi sfidi fosthom dawk marbuta mal-ippjanar, ambjent, parkeġġ, traffiku u infrastruttura.
Saħaq li dan il-proġett għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat u qal li fl-aħħar xhur għamel diversi talbiet lill-Gvern biex jerġa’ jikkunsidra l-proġett biex isir użu aħjar ta’ din l-art pubblika.