Petizzjoni għal referendum dwar l-iskejjel tal-Knisja fl-Irlanda

Wara li f’Mejju li għadda l-Irlanda approvat referendum biex ikun legalizzat l-abort fil-pajjiż, il-Partit Laburista Irlandiż issa qed idawwar petizzjoni għal referendum biex jingħalqu l-iskejjel reliġjużi fil-pajjiż.

Il-Gvern Irlandiż jgħin finanzjarjament l-iskejjel reliġjużi. 96% tal-iskejjel elementari huma ta’ gruppi reliġjużi u madwar 90% minnhom jitmexxew mill-Knisja Kattolika.

“Wasal iż-żmien għal diskussjoni nazzjonali dwar kif jista’ jkollna sistema edukattiva moderna, sekulari għall-Irlanda tal-lum u dak li nixtiequ niksbu għal għada,” qal is-Senatur Aodhan O Riordain il-kelliem tal-Partit Laburista għall-Edukazzjoni.

Biex tinbidel is-sistema edukattiva hemm bżonn bidla fil-Kostituzzjoni Irlandiża li tiggarantixxi d-dritt lill-ġenituri li jibagħtu ‘l uliedhom fl-iskejjel tal-għażla tagħhom, inkluż skejjel reliġjużi.

Il-kelliem Laburista qal li “ir-reliġjon m’għandux ikun prinċipju suprem fuq is-sistema edukattiva u lanqas m’għandu jkun mod kif it-tfal ikunu segregati minn età żgħira.” Il-proposta tal-Partit Laburista Irlandiż effettivament titlob li jkun nazzjonalizzati l-iskejjel reliġjużi u fihom ikun ipprojbit it-tagħlim tar-reliġjon.