Petizzjoni dwar Joseph Muscat u Anton Refalo

Żewġ petizzjonijiet oħra li qed iduru onlajn, minbarra dik biex Simon Busuttil jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, huma biex Joseph Muscat jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni li jmiss u biex Anton Refalo jerġa’ jsir Ministru għal Għawdex.
Mal-5,300 firma f’erbat ijiem għal Joseph Muscat
F’erbat ijiem, petizzjoni onlajn biex Joseph Muscat jagħmel ħames snin oħra fil-politika minbarra dawn li ġejjin, ġiet iffirmata minn 5,300 persuna.
Ħafna kienu dawk li minbarra li ffirmaw, kitbu kummenti, bil-parti l-kbira tagħhom jinkoraġġixxu lil Joseph Muscat biex jekk jerġa’ jiġi elett fl-2022, jibqa’ hu fit-tmun tal-pajjiż.
Joseph Muscat ġie deskritt bħala l-aqwa Prim Ministru li qatt rat Malta, bħala mexxej esperjenzat, eroj, kompetenti, b’abilitajiet kbar, li ġab kisbiet kbar, viżjonarju u maħbub.
“It-tieni salvatur ta’ Malta”
Aġġettivi oħra huma ‘qalb tad-deheb, politiku ta’ stoffa, umli, uniku, intelliġenti, b’talenti kbar, ta’ ispirazzjoni, ambizzjuż, kredibbli, onest, jaf jitkellem u saħansitra ‘t-tieni salvatur ta’ Malta’.
Firmatarji oħra qalu li Malta għandha bżonn lil Joseph Muscat, biex ikompli jibdel lil Malta u jagħmilha l-aqwa fl-Ewropa. Kumment ieħor jgħid li jixtieq li wliedu jitrabbew taħt il-linja politika tiegħu u li meta jitlaq, Malta se titlef ħafna.
Kien hemm min qal li Joseph Muscat salva lil Malta minn falliment, u li wara Mintoff, huwa l-aqwa mexxej, “hekk kif li jwiegħed, iwettqu”. Bil-mod kif kitbu xi wħud, Joseph Muscat ifisser għalihom id-dinja, tant li “diffiċli jkollok ieħor bħalu”.
Oħrajn irringrazzjawh għax-xogħol li qed jagħmel u li ġab lil Malta fuq saqajha.
Kien hemm min anke ħadha kontrih, u jridu jibqa’ jikkontesta, “għax fil-Gvern se tkun għamilt disa’ snin, u għaldaqstant ikun jonqsok sena.”
“Tal-mistħija li Anton Refalo tħalla barra”
Sadanittant, petizzjoni oħra li nfetħet ilbieraħ, wara li l-Prim Ministru ħabbar li Justyne Caruana se tkun il-Ministru l-ġdid għal Għawdex, s’issa ffirmawha 242 persuna biex il-Ministru jibqa’ Anton Refalo.
Il-petizzjoni tgħid li Dr Anton Refalo hu l-aktar wieħed li ġab voti minn Għawdex, “tal-mistħija li tħalla barra, ejja niġġieldu għall-Ministru tal-Għawdxin”.
Il-firmatarji qalu li Anton Refalo jixraqlu li jkun Mnistru għal Għawdex, għax hu ġab l-iktar voti fuq Għawdex. Uħud saħqu li mhux ġust, li min ġab nofs il-voti tiegħu spiċċa Ministru.
Oħrajn talbu lill-Prim Ministru biex jikkunsidra s-sitwazzjoni, “għax trouble se jkun hawn għal-Labour”.
Filwaqt li kellhom kliem dispreġġjattiv fil-konfront tal-Ministru l-ġdid ta’ Għawdex, firmatarji oħra qalu li Anton Refalo ta l-enerġija kollha tiegħu lil Għawdex u li ta’ hekk intgħażel mill-Għawdxin.
“Int mort kontra l-prinċipji tal-Għawdxin”
Lill-Prim Ministru qalulu li mar kontra l-prinċipju tal-Għawdxin, u talbuh jirrispetta l-għażla tal-Għawdxin għax il-maġġoranza tal-voti kienu għalih. Kumment ieħor jgħid li “b’din id-deċiżjoni l-poplu Għawdxi ġie mormi fiż-żibel”.
“Ara veru tal-mistħija, wara 30 sena jaħdem għal Għawdex u għal PL, ma naħsibx li ħaqqu hekk wara dawk il-voti kollha”, tgħid persuna oħra.
Iddeskrivewh bħala bniedem validu, onest, umli, u li jgħin lil kulħadd. 
Ritratt meħud minn Facebook waqt konferenza organizzata mill-Front Favur il-Mina.