Petizzjoni biex tonqos it-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi

Aktar minn elf persuna ffirmaw petizzjoni jitolbu lill-Gvern biex inaqqas it-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi.
Fi stqarrija, il-Malta Automobile Club ikkwota stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea u insista li bħala persentaġġ, it-taxxa totali fuq il-vetturi f’Malta hija l-ogħla fl-Unjoni Ewropea.
Wera wkoll it-tħassib tiegħu għall-fatt li fl-2015 dan il-persentaġġ żdied għal 3.7% minn 3.4% fis-sena ta’ qabel.
Il-Klabb insista li fl-Estonja u l-Litwanja s-sewwieqa jħallsu taxxa ta’ 0.2% u fir-Renju Unit iħallsu 1.8%, jiġifieri nofs dak li jħallsu s-sewwieqa Maltin.
Kif għamel kemm-il darba, il-Malta Automobile Club fakkar li l-akbar kontributuri għat-tniġġis tal-arja mhumiex il-karozzi ż-żgħar, iżda dawk kummerċjali, il-vetturi tat-trasport pubbliku u t-trakkijiet tal-kostruzzjoni.
Kompla jisħaq li l-konġestjoni tat-traffiku mhux qed tgħin u dan huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tat-toroq fl-aħħar snin.
Faħħar il-wiegħda elettorali li jinbnew mill-ġdid it-toroq kollha fi żmien seba’ snin, iżda insista li dan imissu ilu li sar snin.
Temm jisħaq li ġaladarba l-Gvern irreġistra surplus u anke d-dħul mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, għandu jibda’ jnaqqas il-piż minn fuq is-sidien tal-karozzi.