Petizzjoni biex Owen jitla’ għall-Eurovision ma’ Michela

L-ammiraturi ta’ Owen Leuellen li lbieraħ iklassifika fit-tieni post fil-finali tal-kompetizzjoni televiżiva mużikali X-Factor bdew petizzjoni sabiex dan jitla’ għall-Eurovision flimkien Michela Pace, ir-rebbieħa ta’ din l-ewwel edizzjoni.

Ilbieraħ, ir-rapper Malti spiċċa ras imb’ras mal-kantanta Għawdxija fejn tilef it-taqbida għar-rebħa. Minbarra kuntratt mużikali mas-Sony fl-Italja, Pace se tkun qed tirrappreżenta lil Malta waqt il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena li se jsir f’Tel Aviv.

Fil-petizzjoni, l-ammiraturi ta’ Leuellen sostnew li sabiex Malta xi darba tagħmel suċċess fil-Eurovision, hemm bżonn li l-persuna li tintbagħat tkun aktar fenominali mill-oħrajn, li jkollha xi ħaġa differenti iżda li wkoll tolqot il-gosti tal-massa. Insistew li l-istil ta’ Leuellen għandu jmur tajjeb ħafna ma’ dak ta’ Pace u flimkien joħolqu xi ħaġa sorprendenti.