Petizzjoni biex ma jirduppjawx il-gaġeġ tat-tonn

Residenti ta’ San Pawl il-Baħar, il-Qawra u x-Xemxija qed jiffirmaw petizzjoni lill-Parlament biex ma jiżdiedux il-gaġeġ tat-tonnfiż-żona.
Sa issa mad-900 persuna ffirmaw il-petizzjoni li tinsab onlajn fejn qalu li huma qed joġġezzjonaw għaż-żieda bid-doppju tal-gaġeġ tat-tonn fil-Grigal ta’ Malta.
Spjegaw li l-operaturi tal-fish farms qed jitolbu li jirduppjaw il-gaġeġ minn 12 għal 24, b’detriment għar-residenti u l-għawwiema, filwaqt li joħolqu ħsara lill-ambjent marittimu biż-żjut, fdalijiet tal-ħut u l-ħmieġ tat-tonn miżmum fil-gaġeġ.
Fis-sajf ta’ sentejn ilu, ammont kbir ta’ skart, żejt u fdalijiet mill-gaġeġ tat-tonn spiċċaw mal-kosta tal-Grigal ta’ Malta, l-aktar ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar u l-Qawra. Dan kien wassal biex il-baħar ma baqax tajjeb għall-għawm.
L-awtoritajiet sabu li l-operatur kellu iktar gaġeġ milli suppost kellu skont il-permess u ħadu passi biex jitneħħew il-gaġeġ illegali.
Is-sena li għaddiet, l-Awtorità tal-Ippjanar ippermettiet li 12 il-gaġġa jittieħdu f’zona temporanja u jsiru studji biex ikun magħruf l-aħjar post għalihom. Iż-żona temporanja kienet madwar 5km ‘l barra mix-xatt ta’ San Pawl il-Baħar u kienu permessi massimu ta’ 12 il-gaġġa. Ir-rapport finali mistenni f’Mejju ta’ din is-sena.
F’Diċembru, saret applikazzjoni ġdida biex il-gaġeġ jirduppjaw minn 12 għal 24, avolja l-istudji għadhom mhux konklużi.
F’Jannar u fi Frar il-gaġeġ żdiedu llegalment għal 22. Saru protesti mal-Awtorità tal-Ippjanar u mal-Awtorità tal-Ambjent iżda s-sitwazzjoni ma nbidlitx.
Ir-residenti qed jgħidu li minkejja li l-gaġeġ tressqu iktar ‘il barra, huma għadhom f’riskju kbir li jbatu mill-istess epidemija tal-2016, biż-żieda minn 12 għal 24 gaġġa. Itemmu jgħidu li l-awtoritajiet jidhru li huma bla saħħa jew m’għandhomx interess li jirrimedjaw is-sitwazzjoni
Tista' tiffirma l-petizzjoni hawnhekk.