Petizzjoni biex ma jibnewx uffiċini tal-Kunsill fi ġnien f’Wied il-Għajn

Qed iddur petizzjoni onlajn sabiex parti minn Ġnien Sant’Anna ma titteħidx minn uffiċini ġodda tal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn.
Daniel Cauchi, li qed idawwar il-petizzjoni, qal li f’dal-ġnien it-tfal Skalin jistgħu jilagħbu bla ġlas mingħajr ma jkunu fil-periklu, iżda dan issa jinsab mhedded.
Cauchi qal li l-biċċa bil-lasti tal-futbol se tittieħed għal dawn l-uffiċini, u qal li jista’ jifhem il-ħtieġa tal-kunsill, iżda jemmen li l-kunsilliera għandhom għal qalbhom is-saħħa tat-tfal tal-lokalità.
Ma’ dawn l-uffiċini mistenni jkun hemm polyclinic.
Newsbook.com.mt kkuntattja uffiċjal mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn, li qal li l-iżvilupp se jsir fil-parti fejn hemm il-pavimentar qrib il-klabb tal-boċċi.
Qal li din hi parti żgħira mill-ġnien kollu.
Sostna li siġra waħda biss se tinqala’ minħabba l-proċess, u se jitħawlu aktar.
Dwar dan kien tkellem il-kunsillier Nazzjonalista Charlot Cassar, li jidhirlu li dan l-iżvilupp hu mmotivat politikament.
Sadanittant, jekk trid tiffirma l-petizzjoni, żur hawnhekk.