Petizzjoni biex l-eżamijiet tal-MATSEC isiru online

Mal-1,000 persuna ffirmaw petizzjoni biex l-eżamijiet tal-MATSEC ta’ Settembru jsiru online.

F’din il-petizzjoni, dawk favur eżamijiet online qegħdin jgħidu li biż-żieda fil-każijiet tal-coronavirus fl-aħħar jiem, ikun aktar sigur jekk l-eżamijiet isiru online. S’issa ffirmaw il-petizzjoni 1,127 persuna.

Dawn qalu li dawk li għandhom eżamijiet f’Settembru qed iħossuhom konfużi u inċerti dwar x’se jiġri mill-eżamijiet.

Kelliema għall-MATSEC infurmat lil Newsbook.com.mt li d-Direttur tal-MATSEC Dario Pirotta kkonferma llum illi l-eżamijiet huma pjanati li jsiru. Madankollu, il-MATSEC għandha tibqa’ ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika f’każ li jkun hemm xi tibdil.

Il-ġimgħa li għaddiet, f’post fuq Facebook, il-MATSEC ikkonfermat li s-sessjoni speċjali ta’ Settembru se ssir kif ippjanat u li tixtieq tassigura lill-istudenti li l-prekawzjonijiet neċessarji kollha se jittieħdu biex is-saħħa tkun garantita, kif ukoll is-saħħa tal-invigilators u tal-eżaminaturi, billi jiġu segwiti l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-każijiet tal-coronavirus f’Malta f’dawn l-aħħar ġranet żdiedu drastikament billi issa telgħu għal 199 każ attiv. Din il-qabża fil-każijiet donnha spuntat minn xi attivitajiet tal-massa, ewlenin fosthom party li sar f’lukanda f’San Ġiljan u l-festa ta’ Santa Venera. F’dawn l-aħħar jiem tfaċċa wkoll grupp ta’ każijiet li oriġina minn Paceville.