Petizzjoni biex il-quddiesa tal-ftuħ tal-Università ssir fuq il-Kampus

Bħalissa qed issir petizzjoni onlajn biex il-quddiesa terġa’ tkun parti mill-ftuħ tas-sena akkademika u funzjonijiet oħra fl-Università ta’ Malta. 

Il-petizzjoni qed issir wara li għal kuntrarju tas-snin ta’ qabel, il-ftuħ tas-sena akkademika fl-Università beda mingħajr il-quddiesa tradizzjonali fuq il-Kampus.

Il-petizzjoni bdiha Julian Mamo u huma bosta dawk li qed jiffirmaw għaliha fuq is-sit www.change.org. Fl-introduzzjoni tiegħu għal din il-petizzjoni, Julian Mamo jgħid li l-quddiesa tneħħiet mingħajr konsultazzjoni wiesgħa u jistaqsi jekk l-opinjonijiet tal-impjegati u l-istudenti fl-Università għandhomx jingħataw widen.

F’Ottubru li għadda, il-quddiesa ma baqgħetx issir fis-Sala Sir Temi Zammit, fejn isir il-ftuħ uffiċjali, iżda fil-kappella iż-żgħira tal-Ġiżwiti ħdejn l-entratura l-antika tal-Università.

Mistoqsija dakinhar dwar ir-raġuni għal dan it-tibdil fil-programm, uffiċjal tal-Università qalet li l-amministrazzjoni deherilha li din għandha ssir fil-kappella fil-ħin ta’ kuljum, iżda mhux waqt il-ftuħ. Skont hi, dan sar biex l-istudenti jidraw il-ħin tal-quddiesa fil-kappella.

Madanakollu meta Newsbook.com.mt mar fuq il-kampus tal-Università, l-istudenti li tkellimna magħhom qalu li ma kinux jafu li l-quddiesa se ssir xorta waħda.

Uħud kienu qalu li ma tagħmlilhomx differenza dwar il-post u l-ħin tal-quddiesa. Madanakollu oħrajn sostnew li jippreferu li tinżamm it-tradizzjoni u tinżamm fl-istess ambjent akkademiku.

Wieħed jista’ jiffirma din il-petizzjoni fuq: http://www.change.org/petitions/university-of-malta-let-holy-mass-remain-a-part-of-the-university-opening-other-functions