Aġġornata: Peter Caruana Galizia jallega li Keith Schembri ndaħal lill-FIAU biex ma tinvestigax lill-Pilatus

Hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tat-tliet akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, f’awla oħra l-Qorti kompliet tisma’ r-rikors tal-familja Caruana Galizia għat-tneħħija tal-Assistent Kummissarju, Silvio Valletta, mill-investigazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalista.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Silvio Meli, xehed fost l-oħrajn ir-raġel Daphne, Peter Caruana Galizia. Huwa allega li sors mhux magħruf fl- l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) kien informa lil Daphne li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kien iċempel ripetutament lill-FIAU biex jgħidilhom ma jinvestigawx banek privati, u b’mod speċjali il-Bank Puilatus.
Valletta huwa wkoll membru fil-bord tal-FIAU, u miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana.
Huwa u jixhed, Peter Caruana Galizia qal li ma jistax isib serħan, filwaqt li rrimarka li l-familja m’għandha xejn personali kontra l-Assistent Kummissarju, iżda qed titlob li jitneħħa mill-investigazzjoni minħabba l-irwol tiegħu fl-FIAU u l-fatt li hu miżżewweġ ministru tal-Gvern.
Il-Qorti staqsiet lil Caruana Galizia għaliex qed jibqa’ jinsisti li l-qtil kien wieħed politiku, u dan wieġeb li l-Prim Ministru stess kien qal li nqatlet minħabba dak li kitbet.
Hawnhekk l-Imħallef Silvio Meli qal li din kienet biss suppożizzjoni min-naħa ta’ Dr Muscat, u żied jgħid li seta’ kien hemm mottivi oħra għall-qtil.
Il-każ se jinstema’ fil-miftuħ…il-ġurnalisti “laħam mibjugħ”
Waqt ieħor fis-seduta tal-lum kien xħin l-avukat Victoria Buttigieg, li qed tidher f’isem l-Avukat Ġenerali, poġġiet mill-ġdid it-talba sabiex il-każ jinstema’ bil-magħluq, iżda hawnhekk il-Qorti rrifjutat mill-ewwel.
L-Imħellef Meli kien pront warrab it-talba, u żied jgħid li jemmen fit-trasparenza għax il-pubbliku għahndu d-dritt li jkun jaf x’inhu jiġri, għax, skont Meli, il-pubbliku wkoll imweġġa’.
Ma’ dan attakka wkoll lill-ġurnalisti fl-awla, u akkużahom li jirrappurtaw li jridu biss, filwaqt li sejħilhom “laħam mibjugħ”.
Min-naħa tiegħu xehed ukoll l-Assistent Kummissarju, u wieġeb għall-mistoqsijiet li għamillu l-Imħallef.
Ikkonferma li qed jipparteċipa fl-investigazzjonijiet, li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejja, meta rrimarka li l-għan tal-Pulizija hi li kull investigazzjoni tipi konkluża.
"Peter Caruana Galizia qed jirrepeti dak li sema' m'għand ħaddieħor"
Il-Gvern irreaġixxa għal dak li allega fil-Qorti Peter Caruana Galizia dwar l-indħil ta' Schembri lill-FIAU.
Fi stqarrija qasira maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, intqal li Schembri jiċħad kategorikament dak li Caruana Galizia allega dwaru, filwaqt li qal li qatt m'għamel kuntatti simili mal-FIAU.
L-istqarrija ttemm tgħid li hu tal-mistħija li allegazzjonijiet mhux veri bħal dawn, mhux issustanzjati, isibu ruħhom fil-Qorti.
Il-każ ikompli fil-11 ta’ Jannar.
L-FIAU tiddikjara li dejjem wettqet id-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħha.
L-FIAU ddikjarat li dejjem wettqet id-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħha fit-termini tal-liġi.
Saħqet li dan għamlitu “ħielsa minn influwenza jew pressjoni żejda” u qalet li qatt ma waqfet milli twettaq investigazzjoni jew analiżi meta ħasset li dan kien mitlub minnha.
Fi stqarrija, il-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU qalu li dawn ir-rapporti fil-midja “taw l-impressjoni li l-FIAU qagħad lura milli jinvestiga banek privati minħabba xi forma ta’ pressjoni politika.”
Spjegat li l-proċeduri u l-azzjonijiet tagħha jittieħdu b'mod kollettiv minn kumitati u sottokumitati interni b'mod trasparenti u verifikabbli.