Peter b’sejba ta’ €210,000 mhux dikjarati fl-ajruport

Miguela Xuereb

Read in English.

Peter, wieħed mill-klieb tad-Dipartiment tad-Dwana wassal għal sejba ta’ €210,000 fuq passiġġier li kien se jitlaq minn Malta għall-Istanbul.

Fi stqarrija, id-Dipartiment tad-Dwana spjega li f’żewġ każijiet separati lbieraħ, l-uffiċjali kkonfiskaw €233,000 mhux iddikjarati.

Wieħed mill-każijiet kien dak li skopra Peter, il-kelb tad-Dwana li rreaġixxa għal passiġġier li kien qed jistenna biex jitla’ fuq it-titjira tiegħu. Wara tfittxijiet li saru fil-bagalji tiegħu instab li kien qed iġorr €210,000 mhux dikjarati. Il-Police Economic Crimes Unit ġiet infurmata bil-każ u l-passiġġier ġie arrestat sakemm isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

F’każ separat, passiġġier ieħor intagħżel għal spezzjoni waqt li kien qed isir l-iscreening għal titjiriet fiż-żona Schengen fid-Departures Lounge. Wara li nstabu €5,000 fuq il-passiġġier, il-bagalja tiegħu għaddiet ukoll minn spezzjoni fejn moħbijin fil-ħwejjeġ instabu €10,000 oħra. Filwaqt li €10,000 ġew irritornati lill-passiġġier, id-Dwana kkonfiskat il-bqija tal-flus.

Passiġġiera li jkunu se jġorru magħhom aktar minn €10,000 fi flus kontanti u cheques huma obbligati li jiddikjarawhom mad-Dwana skont il-liġi Ewropea.