Peter Agius għall-elezzjoni tal-MEPs

Facebook - Peter Agius

L-eks Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Peter Agius ħabbar li se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija, Peter Agius qal li ilu 16-il sena jaħdem fl-istituzzjonijiet Ewropej. Agius, li jikteb ukoll id-diskorsi tal-President tal-Parlament Antonio Tajani qal li tgħallem li l-ebda pajjiż m’hu żgħir wisq jekk għandu argument b’saħħtu.

Agius qal li hemm setturi fejn il-wegħda Ewropea għadha ma waslitx. “Il-bdiewa, s-sajjieda, r-raħħala, u l-Għawdxin ma mxewx bl-istess pass. In-negozji ż-żgħar u tal-ħwienet, kellhom jadattaw għal regoli u kompetizzjoni sfrenata, iżda ftit li xejn sabu wens milll-awtoritajiet” qal Agius.

Żied jgħid li f’ċertu oqsma jidher li Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea biss għall-isem. “Suppost għandna baħar blue flag imma tmur u ssib l-iżlieġa sena wara l-oħra. Suppost għandna regoli fuq il-pestiċidi u fuq il-kwalita tal-arja. Suppost għandna standards Ewropej għall-istat tad-dritt, għal-ħasil tal-flus u għal ħafna affarijiet oħra. Donnhom l-istandards saru jeżistu biss fuq il-karta” saħaq Agius.

L-Elezzjoni tal-MEPs li jmiss se ssir f’Mejju tal-2019. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Laburista ħabbar l-ewwel grupp ta’ kandidati tiegħu li ġew approvati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.