Peter Agius b’laqgħat ma’ Facebook minħabba r-reklami tal-Ministri

Il-kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet tal-MEPs u l-espert Ewropew Peter Agius kellu laqgħat ma’ rappreżentanti tal-kumpanija Facebook minħabba l-kwistjoni tar-reklami tal-Ministri Maltin li saru mit-taxxi tan-nies.

Agius qal lil Newsbook.com.mt li demokrazija titlob bilanċ fl-informazzjoni u separazzjoni stretta bejn il-Gvern u l-partiti politiċi.

“Minflok, il-ministri tal-Partit Laburista qed jużaw fondi tal-Gvern biex jipprowovu lilhom infushom fuq Facebook,” saħaq Agius. Spjega kif qed jintefqu l-belli liri fuq produzzjonijiet b’filmati u ritratti li għandhom l-iskop li jżidu l-popolarità tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.

“Dan ħareġ ċar fir-rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards li kkundanna dan l-aġir,” fakkar Agius.

Agius qal lil Newsbook li stenna li dawn il-politiċi jroddu “l-flus misruqa” lura lill-poplu “iżda sa issa għadhom ma tħarrkux.”

“Nemmen li ma nistgħux nibqgħu nittolleraw dan l-abbuż. Għalhekk iltqajt ma’ rappreżentanti ta’ Facebook fl-Ewropa u spjegajt is-sitwazzjoni fid-dettall. Tlabt ukoll li Facebook jikkunsidraw miżuri speċifiċi għas-sitwazzjoni ta’ Malta li fil-każ speċifiku jistgħu jinkludu li l-ħlas ta’ riklamar fuq Facebook mill-Ministri u politiċi oħrajn ikun soġġett għall-verifika li l-pagament ikun ġej minn fondi strettament personali tal-politiku u mhux fondi pubbliċi,” qal Agius.

Inti tħallas it-taxxa u l-ministri jonfqu flusek f'riklami fuq facebook. Tkellimt ma' rappreżentanti ta' Facebook…

Posted by Peter Agius on Monday, August 3, 2020

Agius qal li se jkompli jsegwi s-sitwazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li l-ministri mhux se jibqgħu jużaw riżorsi pubbliċi biex jipproduċu materjal għall-paġni personali tagħhom fil-midja soċjali. Dan qalu f’Mejju li għadda, però kien hemm politiċi li ma tawx widen għal dak li qal u baqgħu għaddejjin bir-reklamar kif kien isir qabel.