Filmat: Pete Buttigieg jitkellem bil-Malti fit-toroq ta’ New York

TMZ

Il-kandidat għall-Presidenza tal-Istati Uniti fl-2020, Pete Buttigieg, deher jitkellem bil-Malti f’konverżazzjoni li kellu fit-toroq ta’ New York ilbieraħ.

Hu deher jagħmel dan f’filmat tal-ġurnal Amerikan TMZ. Hu ltaqa’ ma’ grupp Maltin u f’filmat jidher jgħid li ltaqa’ ma niesu. Imbagħad kompla biex jgħid li t-triq għall-presidenza fiha “ħafna xogħol” madanakollu fiha wkoll “ħafna gost”.

Il-Maltin staqsew lil Buttigieg jekk familtu hix minn Għawdex iżda hu dlonk qalilhom li mill-Ħamrun u li n-nanniet tiegħu kienu joqgħodu ftit il-bogħod mill-President Emeritu ta’ Malta Anton Buttigieg. Il-Malti stieden lil Buttigieg sabiex imur ikellem lill-għaqda tiegħu filwaqt li offrielu l-pastizzi.

Il-kandidat li l-fama tiegħu dejjem qed tikber, jitkellem tmien lingwi differenti li huma Malti, Taljan, Franċiż, Norveġiż, Spanjol, Għarbi, Dari u l-Ingliż.