Persuni vulnerabbli se jkollhom aktar aċċess għall-informatika u t-teknoloġija

Fl-ewwel laqgħa li l-Ministru Owen Bonnici kellu maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tal-Informatika (FITA) Elizabeth Olivieri, saħaq li l-Gvern huwa kommess li jagħmel l-informatika u t-teknoloġija aċċessibbli għal kulħadd, kif ukoll għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli fil-komunitajiet.

“Irridu nkomplu nwettqu d-differenza għall-ġid ta’ min l-aktar jeħtieġlu assistenza fis-soċjetà tagħna biex ikun eqreb lejn l-informatika u t-teknoloġija,” qal il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici.

Il-Ministru Bonnici qal li FITA se jkollha rwol importanti fil-ministeru tiegħu. Hu saħaq li hemm diversi persuni li minħabba raġunijiet diversi, inklużi dawk soċjali u mediċi, iħossuhom bogħod mill-għodod kruċjali tad-dinja moderna. Il-Ministru żied jgħid li t-teknoloġija tista’ tagħti soluzzjonijiet sabiex diversi persuni li jirrikjedu attenzjoni speċjali jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Waqt din il-laqgħa, Olivieri spjegat il-ħidma tal-FITA u l-miri ewlenin li għandha quddiemha din il-fondazzjoni.

Il-Ministru Bonnici kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Joyce Dimech. Huwa rringrazzja wkoll lill-ħaddiema li jaħdmu ma’ din il-fondazzjoni.

Sa xahar ilu l-Ministru Owen Bonnici kien il-Ministru tal-Edukazzjoni, iżda wara r-reshuffle huwa nħatar Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara Covid-19.