Persuni qed imutu bil-ġuħ fi bliet assedjati fis-Sirja

Sittax-il persuna mietu bil-ġuħ fil-belt assedjata ta’ Madaya fis-Sirja. Dawn barra t-30 persuna oħra li mietu bil-ġuħ fl-istess belt is-sena li għaddiet.
Skont l-organizzazzjoni umanitarja internazzjonali tat-Tobba mingħajr Fruntieri, 33 persuna oħra jinsabu f’riskju li jitilfu ħajjithom minħabba n-nuqqas ta’ ikel.
Skont in-Nazzjonijiet Magħquda, madwar 400,000 persuna jinsabu maqbuda u għandhom bżonn urġenti ta’ assistenza, wara li koalizzjoni mmexija mill-Gvern Sirjan assedjaw 15-il belt Sirjana.
Uffiċjali għat-Tobba mingħajr Fruntieri qalu li s-sitwazzjoni mhux aċċettabli u li n-nies kellhom jiġu evakwati ġimgħat ilu.
Aktar kmieni dan ix-xahar, żewġ konvojs mimlija ikel u mediċina waslu fil-belt ta’ Madaya li fiha hemm assedjati 40,000 persuna.
Dan ir-rapport ħareġ filwaqt li għaddejin diskussjonijiet f’Ġeneva biex jieqaf il-kunflitt fis-Sirja.