Persuni kreattivi iktar ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali

Riċerka ġdida turi li ġenetikament, persuni kreattivi għandhom tendenza akbar li jkollhom problemi ta’ saħħa mentali.
Artisti, mużiċisti, kittieba u żeffiena, bħala medja, għandhom 25% aktar ċans li jġorru l-ġenetika ta’ mard mentali, minn persuni bi professjonijiet inqas kreattivi.
L-istudju sar fl-Iżlanda minn kumpanija tal-ġenetika. Kelliema għall-kumpanija qalet li biex persuna tkun kreattiva, trid taħseb b’mod differenti. U meta persuna tkun differenti, hemm tendenza li tiġi ttimbrata li għandha problemi ta’ saħħa mentali.
L-istudju ppublikat fir-rivista Nature Neuroscience analizza informazzjoni medika minn 86,000 persuna biex isibu l-ġenetika li żżid ir-riskju ta’ skizofrenija u riskju akbar ta’ kundizzjonijiet oħra.
Instab li dawn il-varjanti huma 17% iktar komuni fost il-persuni involuti fl-arti, meta mqabbla ma’ persuni oħra fil-popolazzjoni.