Persuni jpoġġu fjuri quddiem id-dar ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski

Miguela Xuereb

Read in English.

Diversi persuni poġġew fjuri quddiem id-dar ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski. Dawn inqatlu fid-dar tagħhom fit-18 ta’ Awwissu permezz ta’ diversi tiri.

Id-delitt seħħ tard filgħaxija meta tliet irġiel daħlu fid-dar tagħhom u sparaw sitt tiri. Wieħed laqat lil Maciejowski f’rasu, u erba’ oħra lil Pandolfino. Kien hemm tir wieħed li ma laqat lil ħadd. It-tliet irġiel damu madwar erba’ minuti ġewwa u qabel ma ħarbu minn fuq il-post jidher li serqu d-deheb li kien fuq il-vittmi.

Propju lbieraħ, ġie arrestat raġel barrani, li skont il-Pulizija huwa l-moħħ wara l-qtil tat-tabib Malti u s-sieħeb tiegħu f’Tas-Sliema. L-arrest seħħ wara rejd li sar ilbieraħ filgħodu fil-Furjana. Intant, filgħaxija, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà tkellem dwar l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni madwar il-każ. Dan filwaqt li qal li ma jistax jagħti ċertu dettalji minħabba li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

X’ġara fit-18 ta’ Awwissu?
Jinqatlu żewġt irġiel f’Tas-Sliema

Gafà qal li dan huwa s-sitt każ ta’ omiċidju din is-sena, u sostna li l-ħamsa ta’ qabel ġew kollha solvuti. Insista li l-Korp għandu fih investigaturi b’saħħithom u tajbin.

Punti ewlenin mill-konferenza tal-bieraħ:

  • Raġel barrani suspettat bħala l-moħħ wara l-qtil doppju.
  • Il-Pulizija tgħid li l-mottiv wara l-qtil kien serq ladarba nsteraq id-deheb li kien fuq iż-żewġ vittmi.
  • Id-deheb misruq s’issa għadu ma nstabx.
  • Intabet il-karozza li biha ħarbu t-tliet persuni li wettqu d-delitt doppju, kellha pjanċi differenti, iżda l-pjanċi nstabu fil-karozza.
  • Is-suspettat ewlieni jidher li mar jiffirma l-bail book fl-għassa propju ftit tal-ħin wara li seħħ id-delitt.
  • Il-Pulizija lbieraħ kienu mgħammra b’bullet proof vests u kienu armati waqt is-serqa. Minn id il-persuna arrestata, il-Pulizija ħatfet arma tan-nar.