Persuni jirreġistraw għax-xogħol: 62,000 maqtugħa f’erba’ snin

Bejn l-2013 u l-2016 kien hemm kważi 62,000 persuna li nqatgħu mir-reġistru ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol, li minnhom kienu biss 40% li nqatgħu għaliex sabu impjieg.
Dan joħroġ minn statistika ippubblikata fil-Parlament mill-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Therese Commodini Cachia.
Fuq medda ta’ erba’ snin, madwar 33,500 jew 54% ta’ dawk maqtugħa mir-reġistru waqfu minn jeddhom. Dawk li sabu mpjieg kienu madwar 24,500 jew 40%.
Ħarsa lejn l-2016 turi li s-sena l-oħra nqatgħu minn PART 1 tar-reġistru 10,159 persuna. Dawn kienu jinkludu 969 persuna li nqatgħu għax instabu jaħdmu u jirreġistraw, jew irrifjutaw  opportunità ta’ xogħol u taħriġ. Kien hemm 85 li m’għadhomx interessati li jaħdmu, u 3,700 jew kważi persuna minn kull tlieta, li waqfu jirreġistraw minn jeddhom. L-għadd ta’ dawk li nqatgħu mir-reġistru għaliex sabu impjieg kienu 4,947 fl-2016. Kien hemm ukoll numru ta’ persuni li nqatgħu għaliex ma kienux eliġibbli biex jirreġistraw, għax laħqu l-età tal-irtirar, wara li ġew riferuti lis-sigurtà soċjali jew għaliex mietu.
L-għadd ta' persuni maqtugħa mir-reġistru fl-2016 kien l-anqas wieħed fl-aħħar erba' snin – kważi n-nofs ta' dawk maqtugħa fl-2014.