Persuni jinqatlu wara attakk suwiċida fuq Ministeru fil-Libja

REUTERS/Hani Amara

Tliet persuni armati b’bomba suwiċida attakkaw il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Tripli, il-Libja nhar it-Tlieta, fejn qatlu żewġ persuni oħrajn u lilhom infushom.

Skont Reuters, it-tliet persuni bdew l-attakk tagħhom b’karozza bomba fejn għamlu ħsarat lil xi karozzi u binjiet. Imbagħad bdew jisparaw xi tiri lejn il-Ministeru, skont sors tas-sigurtà. Żewġ persuni rnexxielhom jidħlu ġewwa u kien hemm li splodew il-bombi. It-tielet persuna nqatlet mill-gwardji tal-Ministeru.

Dħaħen kbar ħarġu mill-binja tal-Ministeru li ġiet iċċirkondata mill-forzi tas-sigurtà, filwaqt li għadd ta’ persuni ttieħdu l-isptar. Il-Ministeru għas-Saħħa tal-pajjiż qal li minbarra l-attakkanti, hemm tliet persuni maqtula u 21 midruba. Min-naħa l-oħra, il-Ministru għall-Intern Fathi Ali Bashagha qal li dan l-attakk qatel żewġ persuni, filwaqt li qal li qed isiru wkoll investigazzjonijiet biex tinstab l-identità tal-attakkanti.