“Persuni jgħixu fi kmamar abbandunati fil-White Rocks”

Rene Rossignaud

Qed jiġi allegat li hemm xi persuni qed jgħixu fi kmamar abbandunati fil- White Rocks. Dan ħareġ minn post li ħalla fotografu Malti fuq Facebook fejn spjega li waqt li kien qiegħed jieħu xi ritratti fiż-żona ltaqa’ ma’ kamra li fija kien hemm xi xugamani u ħwejjeġ minxurin.

Newsbook.com.mt tkellem mal-fotografu li spjega li mhux ċert jekk hemmx persuni li qiegħdin jgħixu hemmhekk madanakollu sostna li l-ħwejjeġ li sab minxurin kienu nodfa, jiġifieri jidher li kienu għadhom kemm inħasslu minn xi ħadd.

Fil-kummenti tal-post li ħalla l-fotografu jidher li din mhux l-ewwel darba li xi persuni potenzjalment għexu f’dawn il-kmamar abbandunati, kien hemm min saħansitra allega li din is-sitwazzjoni ilha hekk minn Mejju li għadda.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar il-każ.

X’inhi l-istorja ta’ dan il-post abbandunat?

Il-kumpless kien iservi bħala kwartieri għall-koppji tat-truppi Ingliżi fl-1960. Meta dan waqaf jintuża għal dan l-iskop kien inbidel bħala stazzjon turistiku sakemm għalaq fl-1995.

Fl-1999, il-Gvern Nazzjonalista kien talab għal proposti sabiex il-binja tiġi żviluppata f’kumpless turistiku b’elf sodda. Kienu daħlu total ta’ ħames applikazzjonijiet, li minnhom kienu ġew diskussi tnejn. Madanakollu wieħed minnhom kien iddeċieda li jikkanċella l-applikazzjoni u ħalla lil Costa San Andrea bħala l-investitur ewlieni.

Fl-2003 il-permess inħareġ, madanakollu l-Ministru tat-Turiżmu għal dak iż-żmien kellu ideat oħra għall-proġett. Costa San Andrea riedu li 10% tal-proġett jiġi żviluppat f’propjetà immobbli, madanakollu din l-idea ma ġietx aċċettata u għaldaqstant il-proġett sfaxxa fix-xejn.

Seba’ snin wara, jiġifieri fl-2010, il-Gvern Nazzjonalista ħabbar żvilupp ta’ villaġġ sportiv li kien se jiġi jiswa mal-€200 miljun mingħajr ma kien hemm proċess ta’ applikazzjonijiet miftuħa għall-iżviluppaturi. White Rocks Holdings u Resolution Property kienu se jkunu l-iżviluppaturi tal-proġett, madanakollu dan ukoll sfaxxa fix-xejn.

Fl-2015 imbagħad, il-Gvern Laburista ħareġ talba għall-iżviluppaturi li kienu interessati sabiex jirranġaw dan il-kumpless u jiżviluppawh kemm bħala lukanda u kif ukoll bħala post għall-akkomodazzjoni lussuża.