Persuni f’razzett: Mhux kompitu tal-Ministru tal-immigrazzjoni

Ministru Michael Farrugia Persuni razzett immigrazzjoni

Il-Ministeru responsabbli mill-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali li wkoll responsabbli mill-Immigrazzjoni ma kienx involut fl-azzjoni li ttieħdet mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-Ministru Michael Farrugia saħaq li bħala Ministeru kienu involuti biss billi jgħatu assistenza lill-istess Awtorità waqt l-azzjoni li ttieħdet fuq razzett tal-baqar nhar it-Tnejn li għadda. L-Awtorità kienet infurzat kontra razzett li kien jinsab fil-limiti ta’ Ħal Qormi.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia, fejn saqsih jekk bħala Ministeru daħlux fil-kwistjoni li tikkonċerna iktar minn 100 immigrant li ġew evkwati minn fuq ir-razzett. Il-Ministru Farrugia insista li l-azzjoni kienet immexxija mill-Awtorità tal-Ippjanar u mmotivata minn ksur tar-regolamenti tal-ippjanar. Farrugia spjega li għaldaqstant l-istess Ministeru kien biss involut fl-assistenza li taw lill-Awtorità bħalma jiġri f’dat-tip ta’ azzjonijiet.

Bħala analoġija l-Ministru qal li dan bħal meta jkollok “garaxx qed jintuża bħala store” l-Awtorita tieħu azzjoni u hekk ġara skontu f’dal-każ.

Newsbook.com.mt emfasizza li l-Awtorità kienet taf, bħalma kienet ikkonfermat qabel ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li hemm diversi persuni jgħixu fuq l-istess razzett. Minkejja dan il-Ministeru għall-Intern ma daħalx fil-kwistjoni tal-evakwazzjoni ta’ iktar minn 100 persuna minn razzett, minkejja li dawn kienu immigranti ġejjin mill-Italja.

Huwa saħaq li minn dawk kollha preżenti kollha kellhom il-permesso di soggiorno jew il-permess biex jgħixu fl-Italja. Meta mistoqsi jekk kienx hemm minnhom bla permess il-Ministru saħaq li meta marru l-Pulizija tal-Immigrazzjoni ma sabux nies bla permess, filwaqt li kompla billi qal li jekk kien hemm minn dawn il-persuni li saru jafu bl-evkwazzjoni u ma resqux lejn ir-razzett allura dik fi kliemu kienet “storja oħra”. Huwa spjega kif il-Pulizija tal-Immigrazzjoni tagħmel inspezzjonijiet apposta f’diversi lokalitajiet biex jiċċekkjaw jekk wieħed hux qed joqgħod iktar milli suppost. Farrugia saħaq li dan mhuwiex differenti milli jiġri f’Membri Stati oħra.

Meta mistoqsi dwar jekk se titiħħidx azzjoni fil-konfront ta’ min kien qed jikri lil dawn il-persuni, il-Ministru saħaq li dan f’idejn l-Awtorità tal-Ippjanar biex tmexxi legalment. Huwa qal li l-Pulizija tkun qed tassisti f’każ li l-Awtorità tagħmel dan.

Skont sorsi infurmati wieħed irid ikun ilu jgħix Malta għall-perjodu ta’ ħames snin biex ikun eleġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali, li f’dal-każ dawn il-persuni ma kienux.

L-istess sorsi qalu li dil-kamra tal-aħbarijiet li Malta ma għandiex regoli dwar kemm in-numru minimu ta’ metri kwadri permessi mil-liġi għal biex post jintuża bħala residenza. Is-sorsi qallulna li l-azzjoni ttieħdet bħala pjanar u li probabli kienu qed jinkisru xi regoli tas-sanità. F’dal-kuntest is-sorsi qallulna li dan ma jfissirx li se tittieħed azzjoni kontra min kien qed jikri u sta għall-Awtorità tal-Ippjanar biex tagħmel dan.