Persuni f’Razzett: “Jistgħu jgħixu fih iktar minn 100 persuna”

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Il-Pulizija flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) għadhom qed jinvestigaw il-każ ta’ persuni li kienu qed jgħixu f’razzett tal-baqar fil-limiti ta’ Ħal Qormi. Skont l-awtoritajiet, ir-razzett jista’ jakkomoda aktar minn 100 persuna.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-Pulizija qed titkellem ma’ persuni li jistgħu jgħinuha fl-investigazzjonijiet. Żiedet tgħid li meta saret l-azzjoni ta’ infurzar fir-razzett instabu biss 30 raġel ta’ iktar minn 18-il sena u li kollha kellhom id-dokumenti neċessarji biex jgħixu Malta.

Il-Pulizija kkonfermat dak li qal il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia li l-ħidma kollha kienet qed issir mill-Awtorità tal-Ippjanar. Żiedet tgħid li l-Pulizija kienu fuq il-post biex jipprovdu sigurtà lill-istess uffiċjali filwaqt li jżommu l-ordni pubblika. Il-kelliema stqarret li din kienet proċedura normali.

Ma’ Newsbook.com.mt il-Ministru Farrugia, li hu responsabbli mill-immigrazzjoni, saħaq ma’ Newsbook.com.mt li dan il-każ mhux kompitu tiegħu u li sta għall-Awtorità tal-Ippjanar li tipproċedi f’każ li tħoss il-bżonn.

Il-Pulizija ma wiġbitx dwar jekk ġiex identifikat sid ir-razzett u jekk dak li qed jikri kienx sid il-post. Lanqas ma wieġbet jekk dan setax kien każ ta’ traffikar ta’ persuni u jekk ġiex segwit fejn raqdu l-immigranti li kienu qed jgħixu fuq il-post dakinhar tal-azzjoni tal-infurzar.

“Kellu jkun hemm pjan B fejn se joqogħdu l-immigranti”

Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-avukat Neil Falzon mill-Fondazzjoni aditus, li saħaq li l-awtoritajiet missu kellhom pjan B ġaladarba kienu jafu li hemm ammont sostanzjali ta’ persuni jgħixu fuq ir-razzett li setgħu jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Huwa sostna li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet korretta li tinforza r-regoli tagħha iżda fi kliemu l-każ huwa iktar usa’ minn infurzar.

Spjega li l-Awtoritajiet setgħu infurmaw lil dawk li kienu qed jgħixu hemm li se tittieħed azzjoni biex b’hekk dawn ikollhom l-opportunità jsibu post alternattiv. Skont Falzon, dan il-każ ġie trattat mil-lat tal-ippjanar biss. Temm jistaqsi x’kien isir minnhom kieku kellu jinstab li kien hemm tfal jew persuni vulnerabbli jgħixu fir-razzett.