Persuni Coeliac bi problemi minħabba t-test tad-demm f’Mater Dei

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ persuni Coeliac tinsab imħassba dwar it-testijiet tad-demm li qed isiru fl-Isptar Mater Dei minħabba li skont l-Assoċjazzjoni qed jikber l-għadd ta’ persuni Coeliac li fit-testijiet li saru mill-bidu tas-sena ‘l hawn dehru livelli għoljijn aktar minn tas-soltu ta’ antibodies fis-sistema immunitarja tagħhom.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni spjegat li din kienet ta’ inkwiet għalihom minħabba li f’ċertu każi, l-istess persuni li għamlu t-test f’Mater Dei, marru fi sptarijiet privati u r-riżultat ħareġ “kompletament differenti”.
Jgħidu wkoll li għalkemm qed jiġri hekk, l-assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa jgħidu li kien hemm problema iżda li din ġiet riżolta.
Filwaqt li kkonfermaw li l-Assoċjazzjoni tagħmel ħilitha kollha biex tasal għal din il-problema, rrepetew il-pariri li ħarġu għall-membri tagħhom fi Frar li għadda biex meta jiċċekkjaw l-aħħar riżultati tat-testijiet tad-demm iqabbluhom ma’ dawk li ttieħdu fis-snin ta' qabel l-2017.
L-Assoċjazzjoni Maltija appellat lill-persuni Coeliac biex ikellmuha jekk jiltaqgħu ma’ każ bħal dan biex tkun tista’ żżomm rekord tal-każijiet kollha bħal dawn. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Assoċjazzjoni permezz ta' email jew SMS.