Persuni bla liċenzja u taħt l-effett tal-alkoħol jinqabdu mill-Pulizija u l-AFM

Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)

Fost il-persuni li nqabdu jiksru l-liġijiet tat-toroq hemm diversi li kienu qed isuqu mingħajr ma kellhom liċenzja valida u oħrajn li kienu taħt l-effett tal-alkoħol. Dan ħareġ fi stqarrija tal-Pulizija fejn ingħata rendikont tal-persuni li twaqqfu u nstabu jiksru l-liġi.

Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, taqsimiet differenti tal-Korp tal-Pulizija kienu impenjati f’diversi lokalitajiet, fejn wettqu numru ta’ spezzjonijiet, kemm għad-droga, kif ukoll għal kull tip ta’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.

Il-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wettqu spezzjonijiet għall-għarrieda max-Xatt ta’ Bormla u fi Pjazza Gavino Gulia, f’Bormla. Assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), il-Pulizija waqqfu numru ta’ persuni li kienu fl-akwati u saritilhom tfittxija fuqhom dwar pussess ta’ droga, iżda rriżultaw fin-negattiv.

Intant, matul il-lejl li għadda, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Qormi, bl-assistenza tal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb, mis-Sezzjoni ta’ Kontra Droga u mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw 75 vettura f’kontrolli tat-traffiku.

L-ispezzjonijiet, li bdew fl-10.30pm u kkonludew fis-2.30am, bdew fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa, fejn tliet irġiel, wieħed ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żabbar, Sirjan ta’ 24 sena residenti Ħal Qormi u Libjan inqabdu jsuqu karozzi mingħajr liċenzja valida.

Il-kontrolli komplew fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, fejn hemm raġel ta’ 20 sena residenti Ħal Qormi nqabad isuq vettura bla liċenzja valida. Minn tfittxija li saret fil-vettura, ir-raġel instab fil-pussess sempliċi ta’ sustanza suspettata droga kannabis.

Il-kontrolli kkonkludew fi Triq Sant’Anna, il-Furjana fejn:

  • Mara ta’ 41 sena residenti San Ġiljan inqabdet issuq vettura bla liċenzja valida,
  • raġel ta’ 50 sena residenti Tas-Sliema rriżulta li kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv,
  • U mara ta’ 27 sena residenti Tal-Pietà nqabdet issuq vettura bla liċenzja valida. Minn iżjed stħarriġ, irriżulta li l-vettura kellha liċenzja skaduta u ma kinitx koperta b’polza tal-assigurazzjoni, u għaldaqstant din ġiet irmunkata minn tow-truck privat.

F’dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu ukoll kontravezzjoni kontra sewwieq minħabba li ħammeġ post pubbliku billi rema sigarett fit-triq u kontra sewwieq minħabba li l-vettura li ma kellhiex il-fanali skond il-liġi.

Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.