Persuni bi dħul baxx fl-Ingilterra jingħataw £13 kuljum jekk fi kwarantina

Miguela Xuereb

Ħaddiema li għandhom dħul baxx f’partijiet tal-Ingilterra fejn hemm rata għolja fil-firxa tal-coronavirus se jkunu jistgħu jagħmlu dħul ta’ massimu £182 jekk ikollhom bżonn jibqgħu f’iżolament id-dar.

Mit-Tlieta, dawk kollha li jieħdu l-Universal Credit jew Working Tax Credit u ma jistgħux jaħdmu mid-dar, se jkunu jistgħu jirċievu £13 għal kuljum. Dan il-benefiċċju se jitnieda f’partijiet fil-Majjistral tal-Ingilterra.

Il-BBC rrapporta kif is-sindku ta’ Greater Manchester, Andy Burnham, qal li l-ħlas mhux biżżejjed u żied jgħid li l-poplu għandu bżonn “paga sħiħa”.

Ħaddiema u self-employed li joħorġu pożittivi għall-virus qed jintalbu biex joqgħodu f’iżolament għal 10 ijiem. Dawk li huma eliġibbli għal dawn il-flus jistgħu jieħdu £130. Iżda l-membri li jgħixu fl-istess dar ta’ xi ħadd li huwa pożittiv, u li jridu joqgħodu f’iżolament għal 14-il jum, se jkunu intitolati għal £182, dejjem jekk ikunu eliġibbli biex jieħdu dan.

Persuni oħrajn li jintalbu mill-NHS sabiex joqgħodu fi kwarantina u li jilħqu l-kriterji meħtieġa biex jingħataw l-għajnuna, se jkunu intitolati wkoll għal £13 kuljum, li hija l-paga li wieħed jieħu f’każ li jkollu sick pay għall-perjodu li jridu joqgħodu f’iżolament.