Persuni b’diżabilità qed jirċievu s-sapport bit-telefown u Skype

Il-professjonisti tal-Aġenzija Sapport qed iżommu kuntatt b’mod regolari permezz tat-telefown u skype calls biex ikun assigurat li persuni b’diżabilità u familjari tagħhom, qed jinagħtalhom is-sapport meħtieġ. Dan peress li xi servizzi kellhom jinbidlu minn kif imdorrijin bihom minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Fi stqarrija, l-Aġenzija qalet li l-impjegati qed joħolqu wkoll riżorsi aċċessibbli u ideat ta’ wieħed x’jista’ jagħmel waqt li qiegħed id-dar għall-benefiċċju tal-klijenti, speċjalment biex tinżamm ir-rutina u għalhekk wieħed isibha aktar faċli ikampa mas-sitwazzjoni li nħolqot.

Dan waqt li l-Aġenzija qed timplimenta diversi miżuri anke bi qbil mal-awtoritajiet, sabiex jitnaqqas irriskju tat-tixrid tal-virus.

L-Aġenzija Sapport fakkret ukoll li persuni b’diżabilità f’Malta jistgħu jagħmlu użu mill-Helpline 25903030 u f’Għawdex mill-Helpline 21569909 jekk għandhom bżonn ikel u mediċina, f’appell sabiex ma joħorġux mid-dar.

Persuni neqsin mis-smigħ jistgħu jibgħatu imejl fuq remote.assist@crpd.org.mt. Il-pubbliku hu mħeġġeġ ukoll li jsegwi l-aġġornamenti mwassla mill-awtoritajiet tas-saħħa u li qed jiġu tradotti għal-Lingwa tas-Sinjali Maltija kuljum mill-interpreti tal-lingwa ta-sinjali fi ħdan l-Aġenzija Sapport.