‘Persuni b’diżabilità l-aktar reżiljenti u determinati fid-dinja’

Nhar it-3 ta’ Diċembru d-dinja tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità. F’din l-okkażżjoni, Inspire Malta fakkret li persuni b’diżabilità, “l-akbar minorità fid-dinja”, huma l-persuni l-aktar reżiljenti u diterminati fid-dinja.
Bħala organizzazzjoni li taħdem ma’ tfal u adulti b’diżabilitajiet ta’ kuljum, Inspire Malta temmen ukoll li dan il-jum għandu jkun ċelebrazzjoni ta’ kuljum.
Minkejja li ġeneralment għandhom problemi ta’ saħħa, ma jilħqux livelli akkademiċi għolja, għandhom anqas opportunitajiet ekonomiċi, u rati aktar għolja ta’ faqar, il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom huma forza tan-natura.
Huma jaffaċċjaw ostakli ta’ kuljum – nuqqas ta’ servizzi disponibbli għalihom (bħal teknoloġija tal-informazzjoni u komunikazzjoni (ICT), ġustizzja jew trasport) jew dawk li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni jew politika, jew minn attitudnijiet tas-soċjetà jew diskriminazzjoni, u minkejja dan kollu xorta waħda jagħmlu l-ħila tagħhom.
L-Inspire temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-missjoni tagħna hi li ngħinu lil kull min għandu diżabilità sabiex jikseb dan. Dan nagħmluh billi nipprovdu lil individwi u lill-familji tagħhom b’servizzi ta’ edukazzjoni, ta’ terapija u ta’ divertiment. Aħna naħdmu wkoll għall-inklużjoni, nedukaw lill-pubbliku ġenerali, inqajmu l-kuxjenza fost partijiet interessati u għandna l-aqwa bażi ta’ informazzjoni dwar id-diżabilità lokalment.