Persuni b’diżabbiltà mhumiex jingħataw id-dinjità li jistħoqqilhom – Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku qal li minkejja li llum il-ġurnata żdied l-għarfien dwar il-bżonn li kull persuna tgħix ħajja dinjituża minkejja l-limitazzjonijiet tagħha, fuq livell kulturali, soċjetajiet sħaħ għadhom qed iweġġgħu d-dinjità ta’ persuni b’diżabbiltà.
Il-Papa kien qed jindirizza Konferenza tal-Vatikan dwar il-Katekeżi tal-Persuni b’Diżabilità, li saret bejn l-20 u t-22 t’Ottubru, u li għaliha attendiet delegazzjoni Maltija immexxijja minn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza.
Il-Papa saħaq li l-vanità qed twassal lis-soċjetà moderna biex twarrab lil persuni b’diżabilità, għax ma tagħtix kas il-kwalitajiet umani u spiritwali qawwija tagħhom.
Bħala eżempju, il-Papa irrefera għad-deċiżjoni li jieħdu ġenituri ta’ trabi mhux imwielda li jkollhom xi forma ta’ diżabilità.
Skont il-Papa, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-ġenituri jwettqu abort, minkejja li bosta nies b’diżabilità jirnexxielhom jgħixu ħajja diffiċli, iżda mimlija skop.
Għalhekk, il-Papa ħeġġeġ lill-Katekisti preżenti biex jagħrfu u jħaddnu d-doni ta’ kull persuna, bil-limitazzjonijiet u diżabilitajiet tagħha, għax skontu l-ebda limitazzjoni fiżika jew mentali m’għandha tkun ostaklu għat-tagħlim Nisrani.
Fi tmiem il-laqgħa ma’ Papa Franġisku, Fr Martin ippreżentalu kopja ta’ abbozz ta’ pubblikazzjoni ta’ ktejjeb ta’ talb bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, li mistenni jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.