Filmat: Raġel imut fit-tarzna ta’ Palumbo

It-Taljan Aniello Fariello ta' 27 sena minn Marina di Pisciotta tilef ħajtu f'inċident li seħħ dalgħodu fit-tarzna ta' Palumbo, fix-Xatt ta' Bormla.
Jidher li kien għall-ħabta tad-9.30am meta ż-żagħżugħ, li kien impjegat mal-istess tarzna, intlaqat f'rasu minn parti ta' magna waqt li kienet qed tintuża biex tħoll ċima, sabiex jintrabat vapur tal-passiġġieri li daħal għat-tiswija.
Il-Pulizija qalet li r-raġel ġie ċċertifikat mejjet minn tabib fuq il-post għall-ħabta tal-10.30am. 
Ma' Newsbook.com.mt, iċ-Ċermen tal-Gozo Channel, Joe Cordina ċaħad ir-rapporti fuq midja oħra li l-ħaddiem kien qed jaħdem fuq il-bastiment Gaudos tal-kumpanija.
L-istħarriġ mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla għadu għaddej, filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta maġisterjali.
Il-midja Taljana qed tirrapporta li Fariello kien ilu biss xahar jaħdem f'Malta.